“Il-ħaddiema kollha u volontier tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi fis-sena tal-pandemija”

Il-ħaddiema kollha u l-volontier Gordon Hewitt tad-Dar tal-Providenza ngħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi f’din is-sena tal-pandemija.

F’ċerimonja qasira fil-Kurja fil-Furjana, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ippreżenta l-Premju lil Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, u lil Marieanne Abdilla u Rebecca Theuma li kienu qed jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha. Mons. Arċisqof irringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma siewja tagħhom mar-residenti tad-Dar. Huwa sab ħin ċempel lill-volontier Gordon Hewitt li qiegħed fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u feraħlu wkoll. Gordon emozzjona ruħhu ħafna bit-telefonata tal-Arċisqof. Aktar tard huwa ngħata l-premju minn Fr Ivan Scicluna, kappillan tar-Residenza San Vinċenz.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza, ilaħħqu ftit inqas minn 300 ruħ. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.

Il-Ħaddiema tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020

Din is-sena, kif inhu xieraq, il-Premju Dun Mikiel Azzopardi se jingħata lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza b’ħajr u rikonoxximent għall-ħidma ddedikata u straordinarja tagħhom matul dawn ix-xhur iebsin tal-pandemija Covid 19 biex iżommu lir-residenti u lill-kollegi tagħhom ħielsa minn dan il-virus.

Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi, li tnieda fl-1995, jirrikonoxxi x-xogħol li jsir minn individwi u gruppi biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità, kif ukoll juri apprezzament lejn dawk li jagħtu appoġġ volontarju għax-xogħol li jsir fid-Dar tal-Providenza.

Għall-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, is-sena 2020 ma kinetx waħda normali u lanqas faċli anzi kienet sena mimlija sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija. Min kien jobsor li sena li bdejniha bil-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel ta’ Jannar kellha tinbidel f’sena ta’ virus kiefer tant qerriedi. Din kienet tassew sena ta’ sfidi kbar imma sena li uriet il-qalb kbira, id-determinazzjoni, id-dedikazzjoni, il-kreattività u l-ħidma sfieqa tal-ħaddiema tad-Dar. Dawn kienu, għadhom u jibqgħu il-frontliners tad-Dar tal-Providenza u kulħadd jibqa’ jafulhom.

Minn meta feġġet fostna din il-pandemija, l-Amministrazzjoni tad-Dar mill-ewwel ħejjiet u implimentat miżuri ta’ kontinġenza bi ftehim mal-Awtorità tal-Ħarsien u l-Kura Soċjali (SCSA) u l-Awtoritajiet tas-Saħħa biex tkun imħarsa sigurtà tas-saħħa kemm tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema kollha tad-Dar. Kemm fl-ewwel shutdown li kellna mid-9 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Mejju kif ukoll fl-hekk imsejjħa tieni mewġa, il-ħaddiema tagħna mingħajr eċċezzjoni għamlu l-almu tagħhom kollu biex jimxu ma’ dawn il-miżuri anke jekk ħafna drabi dan kien ifisser sagrifiċċju personali iktar min normal. Grazzi għar-rieda tajba u l-koperazjoni tal-ħaddiema anke f’mumenti ta’ tħassib il-moħħ, biża u nċertezzi, il-ħidma baqgħet għaddejja għal ġid ta’ kulħadd. Ma naqsitx ukoll il-kreattivita tal-ħaddiema li ħolqu attivitajiet ġodda għar-residenti li minħabba l-pandemija l-ħruġ għal attivitajiet fil-komunità ġie ristrett. Sar ukoll sforz biex ir-residenti jibqgħu f’kuntatt kontinwi mal-familjari b’użu tal-teknoloġija.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza li huma ftit inqas minn 300 ruħ jinkludu l-ħaddiema tal-amministrazzjoni, is-sapport workers, id-domestic staff, tas-sigurta u t-trasport, tal-maintaince, tal-laundry, il-ħajjatin, l-Ability Promoters, il-professjonisti u tal-istores. Dawn il-ħaddiema jaħdmu f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunita fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, fil-Qawra u f’Birkirkara.

Lil dawn il-ħaddiema kollha ngħidulkom grazzi mill-qalb u ċerti li l-Providenza Divina tħallaskom għal aktar minn mitt darba.

Gordon Hewitt, Voluntier fid-Dar tal-Providenza u rebbieħ tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020

Gordon Hewitt, twieled fis-16 ta’ Ġunju 1947 u trabba f’Malta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, ma’ missieru li kien fl-Armata Ngliża u ommu Maltija. Wara li reġgħu marru lura r-Renju Unit, Gordon ħa l-edukazzjoni tiegħu l-ewwel f’St. George’s College immexxi minn qassisin kattoliċi u wara fil-kulleġġ Universitarju Kattoliku ta’ St. Mary’s.

Meta ggradwa fl-1970 huwa reġa’ lura St George’s College fejn kien jgħallem il-ġeografija, u l-isport tal-Cricket u r-Rugby. Dawn iż-żewġ dixxiplini sportivi baqgħu fih tant li Gordon kien Cricketer tal-ogħla livell kif ukoll referee internazzjonali tar-Rugby Union.

Wara dsatax-il sena, fl-1989 Gordon kellu jirtira kmieni biex jieħu ħsieb lil ommu Sylvia li kienet marida serjament.

Wara l-mewt tagħha, fl-1994 Gordon iżżewwġ lil Angie Aronica u fis-sena 2000 ġew joqogħdu f’Malta fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ. Meta ssetilljaw, Gordon u Angie bdew bil-ħidma volontarja tagħhom fid-Dar tal-Providenza li kienu jsejjħu “t-tieni dar tagħhom”. Huma kienu jattendu ħamest ijiem fil-ġimgħa u kienu jirreferu għaliha bħala “l-aktar post kuntent f’Malta fejn kulħadd jitbissem.” Sfortunatament, martu Angie mietet ta’ età żgħira, madankollu Gordon baqa’ bħala voluntier fid-Dar tal-Providenza jaħdem fil-qrib mar-residenti tad-dar b’impenn kostanti sakemm saħtu ippermettietlu.

Ħafna mix-xogħol tas-Sur Hewitt kien li kuljum joħroġ dawra ma’ xi residenti fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza kif ukoll li jagħti s-sehem tiegħu f’diversi attivatijet li jsiru għar-residenti kemm fid-Dar kif ukoll barra mid-Dar. Insemmu b’mod speċjali l-involviment tiegħu fl-attivitajiet tad-drama u l-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena. L-aħħar drama li ħadem mar-residenti kien “il-Presepju tan-Nannu” li ttella’ fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana sena ilu. Is-Sur Hewit kien ukoll dak li ssuġġerixxa l-isem San Isidor għaċ-Ċentru Agrikolu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi fejn matul il-ġimgħa residenti jippriservaw prodotti aromatiċi li mbagħad jinbiegħu lill-pubbliku. Kull sena hu jieħu ħsieb li ssir quddiesa fil-kappella tad-Dar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Isidor prottettur tal-biedja fejn ikunu mistiedna u jipparteċipaw ir-residenti li jaħdmu fl-istess Ċentru.

Gordon jgħid li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lil ħaddieħor hu li tagħti lil dak li jkun mill-ħin tiegħek. Dan hu dak li kien jagħmel Gordon mar-residenti tad-Dar tal-Providenza sakemm sa ftit xhur ilu saħtu ippermettietlu. Huwa ħoloq rapport sabiħ ta’ ħbiberija sinċiera ma’ ħafna persuni b’diżabilità li żgur jibqgħu japprezzaw ħajjithom kollha.

Gordon kien ukoll jagħti għajnuna voluntarja lir-refuġjati fi ħdan il-Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far.

This post is also available in: English