Il-BOV Volleyball Marathon 2023 tibda fit-30 ta’ Ġunju

Il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza reġa’ magħna bi 53 siegħa logħob bla waqfien fil-car park tad-Dar fis-Siġġiewi, It-13-il edizzjoni tal-Maratona tibda l-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju fis-6.00pm u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-Ħadd 2 ta’ Lulju. Il-ftuħ uffiċċjali se jsir mid-Deputat Prim Ministru Dott. Chris Fearne bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Maratona ġiet imnedija minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Charles Azzopardi, Head CSR Dept tal-Bank of Valletta, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara fejn qed isir it-taħriġ u l-preparamenti tal-players li se jieħdu sehem fil-maratona.

‘Il-BOV Volleyball Marathon huwa wieħed mill-attivitajiet ewlenin ta’ ġbir ta’ flus li jgħinna fil-missjoni tagħna li nipprovdu u ndejjem intejjbu s-servizzi siewja li noffru.’ Qal Fr Martin li żied jgħid: ‘Ninkoraġġixxu wkoll il-volontarjat u nkunu qed nibgħatu messaġġ li s-soċjetà Maltija teħtieġ li tinvesti fih. Bis-saħħa ta’ din il-maratona, id-Dar trid ukoll tinkoraġġixxi l-isport bħala investiment fi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, id-Dar tal-Providenza tapella lis-soċjetà tagħna biex tirrispetta dejjem lill-persuni b’diżabilità u tittrattahom bid-dinjità li tixirqilhom waqt li toffrilhom għażliet u opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.’

‘Il-BOV Volleyball Marathon jgħaqqad flimkien iż-żewġ kolonni ewlenin tal-Programm tagħna tas-CSR, Filantropija u Sport.’ Qal is-Sur Azzopardi, li kompla jgħid: ‘Aħna fil-Bank of Valletta kburin li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li hija strumentali fl-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta. Għandna kliem ta’ tifħir għas-servizzi li tipprovdi d-Dar tal-Providenza fil-komunità Maltija u huwa l-pjaċir tagħna li ngħinuha tkompli toffri servizzi essenzjali fid-dawl tal-impenn tagħna lejn il-komunità li noperaw fiha.’

Sal-Ħadd 2 ta’ Lulju, kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona se tingħata wkoll f’xandiriet diretti fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat-televixin. Minbarra l-erbgħin player protagonisti tal-Maratona se jagħtu sehemhom ukoll madwar mitejn voluntier.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking, PayPal jew Revolut jew jagħmel donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar.  Tajjeb li nfakkru li s-sistema bankarja ta’ pajjiżna taċċetta biss cheques ta’ aktar minn €20. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100   5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834

This post is also available in: English