Ikkommemorat Mons Mikiel Azzopardi
“Jalla l-poplu Malti jibqa’ jkollu qalb ġeneruża li tgħożż u ssostni lid-Dar tal-Providenza.” Dan qalu l-Isqof Awżiljarju Mons Charles J. Scicluna waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li L-Azzjoni Kattolika Maltija u d-Dar tal-Providenza għamlu għal ruħ Mons Mikiel Azzopardi li disa’ w erbgħin sena ilu waqqaf id-Dar biex tilqa’ fiha persuni b’diżabiltajiet. Fl-omelija tiegħu, Mons Scicluna qal li bħal Kristu, r-Ragħaj it-tajjeb fil-Vanġelu, Dun Mikiel kien jaf ir-residenti wieħed, wieħed b’isimhom u bħal Kristu kien iħobbhom u jieħu ħsiebhom. “Fid-dinja tal-lum,” kompla jgħid Mons Scicluna “hawn tant żgħażagħ li m’għandhom il-ħadd min jieħu ħsiebhom. Kemm hu sabiħ li r-residenti tad-Dar tal-Providenza huma maħbuba u miżmuma bħala teżori tal-Mulej.” Huwa temm b’appell biex Malta tagħna jibqa’ jkollha rispett għall-ħajja.
Din iċ-Ċelebrazzjoni, li l-Azzjoni Kattolika Maltija bdiet ħames snin ilu u saret fil-kappella tad-Dar tal-Providenza, saret b’tifkira tas-seba’ w għoxrin sena mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi. Din Mikiel, kif kien aktar magħruf, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar, 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju, 1987.
Il-Quddiesa kienet ikkonċelebrata mill-Mons Isqof Charles J. Scicluna flimkien ma’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku ŻAK. Fi tmiemha, saru diskorsi qosra minn Dun Martin Micallef u s-Sur Stanley Spiteri, f’isem il-Kummissjoni Ħidma Morda u Persuni b’Diżabbiltà.