Id-Dar tal-Providenza u entitajiet oħra tal-Knisja jibbenefikaw mill-ġabra ta’ Jum il-Karita.
Sitt entitajiet tal-Knisja inkuż id-Dar tal-Providenza, bbenefikaw minn total ta’ €51,955 li nġabru fis-70 parroċċa ta’ Malta f’Jum il-Karità, fl-4 ta’ Mejju li għadda. Dawn id-donazzjonijiet ġew ippreżentati llum, it-Tlieta 4 ta’ Novembru 2014, mill-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku sede vacante, waqt laqgħa li saret fil-Kurja tal-Arċisqof.
Din l-offerta tal-poplu Nisrani ser tgħin lil dawk l-entitajiet tal-Knisja li jaħdmu ma’ persuni fil-bżonn, fosthom it-tfal, l-anżjani, il-familji, il-persuni b’dizabilità u r-refugjati. L-entitajiet li bbenefikaw mid-donazzjonijiet huma:
o Il-Kummissjoni Uffiċċju Ċentrali “Ejjew Għandi” li hija responsabbli mid-Djar tat-Tfal.
o Is-Segretarjat Assistenza Soċjali li joffri għajnuna lill-familji fil-bżonn u lill-anżjani fil-parroċċi.
o Caritas Malta.
o Id-Djar għall-persuni b’diżabilità. (Id-Dar tal-Providenza)
o Id-Djar għall-anżjani.
o Il-Kummissjoni Emigranti (Sezzjoni Refuġjati).
Matul il-preżentazzjoni tad-donazzjonijiet lill-uffiċjali responsabbli mill-ħidma ta’ dawn l-entitajiet, l-Isqof Charles Scicluna rringrazzja lill-poplu Malti tal-ġenerożità tiegħu. Qal li l-għotjiet ta’ karità joffru opportunità lill-Insara biex jpoġġu fil-prattika l-Evanġelju, filwaqt li jitfgħu responsabbilità fuq il-mod ta’ kif jintużaw dawn il-flus.
L-Isqof Scicluna rringrazzja wkoll lil dawk li jaħdmu mal-persuni fil-bżonn, għax permezz tagħhom il-Knisja twettaq l-opri ta’ karità b’risq dawk kollha fis-soċjetà li huma fil-bżonn.