Id-Dar tal-Providenza tospita laqgħa tal-Kabinett

Id-Dar tal-Providenza ospitat laqgħa tal-Kabinett fejn kien diskuss is-settur tal-volontarjat flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet volontarji.  Aktar qabel, l-Onor. Prim Ministru, Dott. Robert Abela ltaqa’ mar-residenti u ħaddiema tad-Dar.  Hu kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef.

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett, Fr Martin esprima l-apprezzament tiegħu f’isem id-Dar li l-Gvern għoġbu jlaqqa’ l-Kabinett biex jiddiskuti s-settur tal-volontarjat propju fid-Dar tal-Providenza.  Huwa qal li dan juri l-apprezzament tal-Gvern għall-ħidma li twettaq il-Knisja f’Malta b’mod speċjali fil-qasam soċjali, bħalma tagħmel fid-Dar tal-Providenza  li toffri servizzi residenzjali tal‑ogħla kwalità lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is‑servizz kif ukoll opportunità ta’ volontarjat lil diversi persuni li jixtiequ joffru l‑ħin liberu tagħhom biex jissapportjaw din il‑ħidma. Huwa faħħar il-fatt li pajjiżna huwa mżewwaq b’għadd ta’ inizjattivi li b’xi mod iridu kollha jwettqu l‑ġid f’oqsma diversi, kif ukoll li llum is‑settur tal-volontarjat qed jitqies bħala sieħeb strateġiku fl‑oqsma varji tal‑iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna.

This post is also available in: English