Id-Dar tal-Providenza tiċċelebra għeluq il-50 sena tagħha b’quddiesa ta’ ringrazzjamentfil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura f’Ruma

Mons Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura, f’Ruma s-Sibt, 12 ta’ Settembru wara nofsinhar propju f’Jum il-Fundazzjoni tad-Dar tal-Providenza. Din is-sena Id-Dar qed tfakkar b’diversi attivitajiet il-50 sena mit-twaqqif tagħha minn Mons Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965.

Bħala parti minn dawn l-avvenimenti speċjali, seba’ w għoxrin resident u residenta ittieħdu Ruma għal laqgħa speċjali ma’ Papa Franġisku l-Ħadd 13 ta’ Settembru wara r-reċita tal-Angelus f’Casa Santa Marta. Flimkien mal-Arċisqof Scicluna kien hemm jakkumpanjawhom l-Arċisqof Emeritus Mons Paul Cremona O.P, Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, il-Management tad-Dar kif ukoll għadd ta’ carers.

Għal din il-Quddiesa ta’ ringrazzjament kienu mistiedna wkoll il-Maltin li jgħixu f’Ruma fosthom l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Ruma, s-Sinjura Vanessa Frazier.

L-Arċisqof Scicluna qal li 50 sena ilu bl-opra ta’ Dun Mikiel Azzopardi, saċerdot djoċesan Malti, bdiet avventura ta’ fejqan partikolari. Kategorija ta’ nies li minħabba ta’ ċirkostanzi, ta’ mistħija, ta’ tabù soċjali u frott anke forsi ta’ nuqqas ta’ qbil u injoranza kienu jinħbew jew saħansitra jitħallew f’xi kantina, bdew isibu bil-mod il-mod id-dinjità. Monsinjur Scicluna appella biex il-maltin jibqgħu jirrispettaw id-dinjità ta’ kull bniedem hu min hu, ta’ kull bniedem imżejjen b’liema talent hu mżejjen u anke jekk forsi minħabba l-preġudizzji iħossu li mhumiex ixxurtjati daqsna. F’għeluq il-ħamsin sena tad-Dar tal-Providenza ħadna f’Ruma grupp ta’ residenti, frott ta’ warda sabiħa tad- djocesi tagħna. J’Alla din l-avventura ta’ solidarjetà, mħabba u ta’ dinjità, tkompli f’qalb il-Maltin u Għawdxin li għamlu d-Dar tal-Providenza tagħhom.