Ħaddiema tal-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli jagħmlu ħidma volontarja fid-Dar tal-Providenza

Grupp ta’ impjegati minn dipartimenti differenti fi ħdan il-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli qattgħu jum ta’ ħidma volontarja fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Il-ħaddiema għamlu diversi xogħolijiet bħal tindif ġenerali, ħasil ta’ twieqi u kif ukoll għajnuna fil-kċina. Il-Fondazzjoni organizzat din l-inizjattiva bl-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni bħala parti mill-programm għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħha.
Is-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Silvio Schembri kien preżenti għal din il-ħidma volontarja fejn iltaqa’ mad-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef u mal-ħaddiema tal-Fondazzjoni. Huwa ta l-proset tiegħu lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni u saħaq dwar l-importanza tal-volontarjat fis-soċjetà tagħna. L-Onorevoli Schembri żar u tkellem ma’ diversi ħaddiema li jaħdmu fid-Dar, fejn irringrazzja b’mod speċjali lil Fr Martin Micallef tal-ħidma bżonnjuża immens li d-Dar tal-Providenza twettaq mal-persuni b’diżabbiltà.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, f’isem ir-residenti rringrazzja lill-impjegati kollha tal-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli għall-ħidma volontarja li għamlu matul dan il-jum u għamel referenza għall-ġbir ta’ fondi li se jkun qed jitwettaq fl-Ewwel tas-Sena biex jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza.

Min-naħa l-oħra, is-Sur Shawn Zammit, Kap tal-Operazzjonijiet fil-Fondazzjoni, irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-preżenza tiegħu għal din l-attività b’ruħ speċjali u lil Fr Micallef għax-xogħol eċċezzjonali li jsir matul is-sena kollha.

This post is also available in: English