Fr Cyril Axelrod jingħata l-O.B.E. mir-Reġina Eliżabetta II

Fr Cyril Axelrod għadu kif ingħata l-O.B.E. (Officer of the British Empire) mill-Majesta’ tagħħa r-Reġina Eliżabetta II f’ċerimonja speċjali li saret fil-kastell ta’ Windsor. Fr Cyril huwa l-ewwel persuna nieqas mis-smigħ u mid-dawl li qatt irċeviet dan l-unur li ngħatalu għall-hidma tiegħu biex jitwaqqfu ċentri li joffru servizzi ta’ taħriġ għall-persuni nieqsa mis-smigħ u b’nuqqas ta’ dawl mis-soċjeta’ għall-persuni nieqsa mid-dawl f’Hong Kong fejn għal dawn l-aħħar ħames snin kien Konsulent Onorarju. F’Malta, Fr Cyril qiegħed ukoll jaqsam l-esperjenza tiegħu għal ħidma ta’ taħrig bħal mistiden tad-Deaf Ministry Team fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Ir-Reġina tkellmet ma’ Fr Cyril u ħeġġitu jkompli l-ħidma mprezzabbli tiegħu madwar id-dinja ma’ persuni muti-għomja u b’diżabiltajiet oħra. Hija rringrazzjatu wkoll għar-rigal li ta, li huwa kopja ffirmata tal-bijografija tiegħu “And the Journey Begins”.

Il-Kummissjoni Djoċesana Persuni b’Diżabilità, id-Deaf Ministry Team fi ħdan l-istess Kummissjoni kif ukoll id-Dar tal-Providenza ingħaqdu ma’ komunitajiet u għaqdiet madwar id-dinja biex jifirħu lil Fr Cyril f’din l-okkazzjoni tassew speċjali.

Wara ċ-ċerimonja storika tal-għoti tal-O.B.E. saret ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament fil-lukanda Sir Christopher Wren f’Windsor fil-kumpanija tal-membri tal-familja, ħbieb u mistiedna speċjali minn madwar id-dinja li riedu jaqsmu ma’ Fr Cyril dan il-mument storiku li ġie mfisser bħala turija vera tal-apprezzament dinji għall-ħidma u l-ħajja tiegħu.

Fr Cyril iddedika u ppreżenta l-midalja tal-O.B.E. lir-rappreżentant tas-Soċjeta’ tal-Għomja ta’ Hong Kong u ħabib kbir tiegħu Simon Chan li dan l-aħħar kien ukoll f’Malta ma’ Fr Cyril.  Dan l-att ġeneruż huwa sintomu tas-servizz umli li Fr Cyril ikompli joffri lid-dinja fil-missjoni tiegħu li jippromwovi dak li huwa li jirreferi għalih bħala ‘r-rigal tad-diżabiltajiet’.