Forum fuq Dun Mikiel Azzopardi u l-50 sena tad-Dar tal-Providenza
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi flimkien mad-Dar tal-Providenza organizzaw Forum bit-tema: “Dun Mikiel Azzopardi u l-50 sena tad-Dar tal-Providenza”. Din kienet serata ta’ tifkiriet w esperjenzi minn persuni li b’xi mod jew ieħor u f’xi ħin jew ieħor missew mal-kobor ta’ Dun Mikiel u raw b’għajnejhom il-mirakli li l-Providenza għamlet u għadha tagħmel mad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Is-serata kienet tinkludi wkoll dokumentarju qasir dwar il-ħajja ta’ Dun Mikiel Azzopardi.
Il-kelliema li qasmu l-esperjenzi tagħhom mal-udjenza sabiħa li attendiet għall-Forum kienu Dr Tonio Azzopardi, neputi ta’ Dun Mikie; is-Sur Paul Mifsud, kollaboratur ta’ Dun Mikiel fl-Azzjoni Kattolika u fuq il-mezzi tax-xandir; is-Sur John Micallef, ex-Amministratur tad-Dar; is-Sinjuri Edna u Antoine Barbara, ġenituri ta’ residenta b’diżabilità ntellettwali; is-Sinjorina Angela Agius, persuna nieqsa mis-smigħ li kienet residenti fis-Siġġiewi w issa qed tgħix ħajja ndipendenti f’darha; Sor Gesuina Mangion, soru tal-Karità li ilha fid-Dar tal-Providenza mill-1977; Mons. Lawrence Gatt, Direttur tad-Dar wara Dun Mikiel bejn l-1987 u l-2008 u s-Sur Joe M. Camilleri, ex-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD).
Dr Karol Aquilina, Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, tkellem dwar is-sehem tas-Siġġiewi fil-ħajja tad-Dar tal-Providenza kemm minħabba l-lokalità imma aktar w aktar minħabba l-għadd ta’ Siġġiewin li jaħdmu fid-Dar bħala carers, support workers u f’taqsimiet oħra. Huwa ħabbar li aktar ‘l quddiem se jkun inawgurat monument f’gieħ Dun Mikiel fi triq imsemmija għalih fis-Siġġiewi.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, ippreżenta rigal ta’ apprezzament lil Dr Aquilina. (Ritratti: Roberto Runza)