Fondazzjoni Nazareth u l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għas-snin 2021, 2022
Il-Fondazzjoni Nazareth u l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ huma ż-żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għas-snin 2021 u 2022 rispettivament. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, is-sena l-oħra ma saritx iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni ta’ dan il-Premju.
Dan ħabbru Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-kunċert vokali u strumentali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza, taħt il-patroċinju distint tal-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna u t-tmexxija tad-Direttur Mużikali, il-Kaptan Jonathan Borg bi preżentazzjoni tas-Sur Pio Dalli. Il-kunċert, li kellu attendenza sabiħa, sar il-Ġimgħa, 2 ta’ Diċembru fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà li jiġi mfakkar fit-3 ta’ Diċembru. Għall-kuncert, li sar bil-korteżija tal-Kapitlu Metropolitan u bil-koperazzjoni tal-Arċipriet u l-amministrazzjoni tal-Katidral, attendew il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill u uffiċjali oħra tal-Armata flimkien ma’ mistednin oħra distinti.
Dun Martin qal li jemmen li l-impenn biex ikunu rrealizzati d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità mhix biss hija kwistjoni ta’ ġustizzja iżda wkoll investiment f’futur komuni. Huwa żied jgħid li, “minħabba l-pandemija, dawn l-aħħar sentejn kienu snin partikolari għal kulħadd u mhux inqas għad-Dar tal-Providenza. Imma minkejja dan, id-Dar baqgħet impenjata li tkompli ttejjeb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi tagħha. Din is-sena, ingħata taħriġ intensiv mill-Professur Ingliż Tony Osgood, espert fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, lill-ħaddiema kollha tad-Dar. Dun Martin qal li, “Dan it-taħriġ kellu l-għan li d-Dar ittejjeb il-kwalità tas-servizzi li toffri. Miegħu u ma’ esperti oħra Maltin fil-qasam tal-persuni b’diżabilità smajna pariri li għandhom jgħinuna fl-istrateġija li nixtiequ nfasslu għall-ħidma tad-Dar fil-15-il sena li ġejjin.”
Il-Fondazzjoni Nazareth twaqqfet minn Dun Anġ Seychell fit-8 ta’ Settembru 1995 meta flimkien ma’ ħutu kienu taw id-dar tagħhom li wasslet għal aktar djar żgħar oħra fil-komunità. Fil-bidu din id-dar fejn twieled u għadu jgħix Dun Anġ Seychell kienet fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel erba’ residenti. Il-ħsieb ta’ din il-Fondazzjoni intogħġob mill-ewwel tant li r-residenti ta’ Dar Nazareth żdiedu għal għaxar persuni u żdiedu wkoll żewġt idjar oħra li issa jilqgħu tletin persuna b’diżabilità.
Il-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2021 ġie ppreżentat lill-President Emeritu, Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Bord ta’ tmexxija ta’ Fondazzjoni Nazareth, minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.
L-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ twaqqfet fl-1972 u din is-sena qed tfakkar il-50 anniversarju tagħha. Din kienet l-ewwel għaqda volontarja għall-persuni nieqsa mis-smigħ f’pajjiżna magħrufa wkoll bħala d-Deaf People Association Malta. Għaxar snin wara, fl-1982, twaqqaf il-klabb għall-persuni nieqsa mis-smigh li serva biex dawn l-individwi jiffurmaw komunità bejniethom.
Minn mindu nfetaħ il-klabb il-komunità tal-persuni nieqsa mis-smigħ kompliet tikber u issa għandhom post sigur fejn setgħu jiltaqgħu informalment, jieħdu sehem f’attivitajiet għalihom u jużaw aktar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija li kompliet tiffjorixxi. L-Għaqda kienet strumentali wkoll biex il-Lingwa tas-Sinjali Maltija tkun rikonoxxuta mill-Parlament Malti bħala Lingwa Uffiċċjali kif ukoll biex jitjiebu s-servizzi tal-interpretazzjoni tal-Lingwa.
Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna ippreżenta l-Premju Mons Mikiel Azzopardi 2022 lill-President tal-Għaqda Persuni Nieqsa mis-Smigh, is-Sinjura Annabelle Xerri.
F’diskors tal-għeluq l-Arċisqof tkellem dwar it-talba tal-Innu Malti, lirika li ħarġet mill-pinna tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila bil-mużika ta’ Robert Samut. Huwa qal li fl-ewwel żewġ versi, Dun Karm fil-ġenju tiegħu, jesprimi s-sinifikat tal-isem ta’ pajjiżna u minnhom jagħmel talba u jsejjaħ lill-pajjiżna omm, l-omm li tatna isimha.
Monsinjur Arċisqof qal li t-talba ta’ Dun Karm hi l-awgurju tiegħu li waqt li qed niċċelebraw il-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità, is-soċjetà Maltija tibqa’ soċjetà li turi ħlewwa u ħarsien lejn dawn ħutna, li pajjiżna jibqa’ jħaddan il-ħajja bid-diversità kollha tagħha u japprezza li kull ħajja mill-bidu tal-konċepiment sal-aħħar mument tagħha hija don.
L-Arċisqof Scicluna qal li bħal Dun Karm fit-talba tiegħu, nitolbu biex Alla jagħti d-dehen lil min għandu r-responsabilità tremenda li jieħu id-deċizzjonijiet li hemm bżonn jittieħdu u temm billi awgura li fil-Milied li ġej ikollna tassew biex niċċelebraw.
Fil-kunċert indaqqu xogħlijiet ta’ Beethoven, Elgar, Pietro Yon, Alan Silvestri u l-kompożituri Maltin Ray Sciberras, Antoine Mercieca u Lawrence Scicluna. Solisti kienu Staff Sergeant Dominic Scerri fuq il-klarinett, Bombardier Joseph Grech fuq il-qniepen u t-tenur il-bombardier Georg Zammit.
Dan il-Premju, li tnieda għall-ewwel darba fl-1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l-kontribut ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.