Festa ta’ Ġenerożità lura fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar
Il-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena organizzata mid-Dar tal-Providenza se ssir mill-ġdid taħt it-tinda l-kbira fil-parkeġġ tas-Siġġiewi wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur u mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu l-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022.
Bħas-soltu, l-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn l-10.00am u nofsillejl. Fid-9.30am, TVM2 ixandar il-quddiesa mill-kappella tad-Dar li se titmexxa mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.
Fr Martin qal li is‑servizzi residenzjali li toffri d‑Dar huma servizzi personalizzati li jwieġbu għall‑bżonnjiet u l‑aspirazzjonijiet tar‑residenti. Id-Dar hija impenjati li tkompli ttejjeb dejjem aktar il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti u s‑servizzi li toffri anke biex ir‑residenti jkunu nklużi u jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru fil‑komunità. Biex isir dan, kull sena jsir investiment f’riżorsi umani, xiri ta’ apparat ġdid, xogħol ta’ manutenzjoni u anke proġetti kapitali biex ikomplu jinfetħu djar oħra fil‑komunità.
Fost ix-xogħlijiet li saru hemm renovar, inkluż installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Pirotta, Birkirkara, li hija waħda mid‑djar fil‑komunità; xogħol ta’ manutenzjoni kull fejn kien meħtieġ; investiment uman b’mod speċjali ta’ professjonisti; taħriġ intensiv lill‑ħaddiema kollha tad‑Dar mill‑professur Ingliż Tony Osgood, li hu espert fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità. Dan it‑taħriġ kellu l‑għan li titjieb il‑kwalità tas‑servizzi li toffri d-Dar. Minnu u minn esperti oħra Maltin fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità ingħataw pariri li għandhom jgħinu lid-Dar fl‑istrateġija li huwa ppjanjat għall‑ħidma tad‑Dar fil‑15‑il sena li ġejjin.
Għas-sena d-dieħla, l-pjani jinkludu l-ftuħ ta’ dar ġdida fil‑Balluta; aktar taħriġ lill-ħaddiema, investiment f’aktar professjonisti; il-bidu ta’ proġett ta’ rinovar f’erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni li għandu jtejjeb l‑ambjent li fih jgħixu wħud mir‑residenti u, fl-aħħarnett, l-iffinalizzar ta’ l‑istrateġija għas‑snin li ġejjin.
Is-Sinjura Camilleri Cassano spjegat kif id-donazzjonijiet jistgħu isiru mill-lum stess sal-ewwel tas-sena b’wieħed minn dawn il-mezzi. Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet se jkunu inklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona fl-1 ta’ Jannar 2023.
- €10 5160 2012
- €15 5170 2013
- €25 5180 2014
- €50 5190 2085
- €100 5130 2022
- SMS €7 50618922
- BOV Mobile 79324834
Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.
Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi SGW2822. Imma nfakkru li b’direttiva tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jistgħux jintbagħtu ċekkijiet ta’ €20 jew inqas għax ma jissarfux mill-banek.
Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt (wara s-suq), filgħodu bejn id-9:00 am u n-12:00 pm, mill-Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta fil-ġranet ta’ qabel il-Milied sal-1 ta’ Jannar 2023.
Is-Sinjura Camilleri Cassano qalet li se jsiru wkoll il-wirja u l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artisti Maltin u barranin, bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena. Kull min hu interessat jista’ jara I-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar kif se jsir l-irkant online fl-1 ta’ Jannar fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com.
Ix-xogħlijiet tal-arti kollha jistgħu jiġu apprezzati f’wirja li se tinżamm fil-Parlament ta’ Malta fil-Belt Valletta. Din il wirja, li tiftaħ fil-15 ta’ Diċembru tibqa’ sejra sas-26 tax-xahar. Tkun miftuħa għall pubbliku bejn id-9:00am u l-5:00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa u bejn id-9.00am u n-12.30pm is-Sibt u l-Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din l esibizzjoni billi jippreżenta l-Karta tal-Identità.
Is-Sur Kevin Papagiorcopulo, Editor-in-Chief ta’ Newsbook, tkellem dwar il-maratona ta’ 30 siegħa xandir fuq103FM Malta’s Heart is-Sibt l-10 u l-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2022. 25 preżentatur tal-istazzjon se jieħdu sehem fix-xandira u f’xi ħinijiet se jżuru wkoll diversi parroċċi bil-għan li jilqgħu donazzjonijiet.
Attivitajiet oħra ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza għal dan ix-xahar jinkludu:
- Solo Art Exhibition mill-artist Kenneth Zammit Tabone fil-lukanda Xara Palace, l-Imdina. Parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ dawn ix-xogħlijiet se jmorru għad-Dar.
- Train Ride fil‑pjazza tas‑Siġġiewi bejn l-10:00am u l-5:000pm nhar it‑13 ta’ Diċembru organizzata mill‑Ħbieb tad‑Dar tal‑Providenza.
- Wirja ta’ dwalijiet u kant bl‑isem “Carols under the Stars” f’diversi lokalitajiet f’Malta organizzati minn Lorraine Buttigieg.
- Ġirja bir-roti minn grupp ta’ studenti, għalliema u ġenituri mill-Kulleġġ San Benedittu ta’ Ħal Kirkop sad‑Dar tal‑Providenza nhar l‑Erbgħa 14 ta’ Diċembru.
- Villaġġ tal‑Milied b’risq id‑Dar fl‑Iskola Sekondarja St Thomas Moore, iż‑Żejtun nhar il‑Ġimgħa 16 ta’ Diċembru 2022.
- Tberik tal‑annimali fil‑carpark tad‑Dar nhar il‑Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022.
- Christmas on Campus – kampanja ta’ ġbir ta’ fondi fl-Università ta’ Malta għal diversi entitajiet fosthom Id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.
- Kampanja ta’ ġbir ta’ fondi permezz tar-radju mill-Għaqda Mużikali Santa Marija tal-Qrendi.
- Kunċert fit‑30 ta’ Diċembru 2022, organizzat mill‑Komunità Agostinjana, fil‑Knisja ta’ San Mark, ir‑Rabat, Malta.
- Ġbir fil-parroċċi ta’ Malta u Għawdex, lejlet u nhar l-ewwel tas-sena.
This post is also available in: English