Festa ta’ Ġenerosità mad-Dar tal-Providenza nhar l-ewwel ta’ Jannar 2016
Ingħataw dettalji tal-għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata minn RTK4Charity biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (il-Ġimgħa, 11 ta’ Diċembru).
Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza: Li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar; li jara b’għajnejh xi proġetti u inizzjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar; li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjiebu u fl-aħħarnett, iżda mhux linqas, hu li jitwassal il-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: Is-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
Il-Festa ta’ Ġenerożità, li hija sponsorjata mill-APS Bank, tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.
Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn ’l fuq minn ħamsa u sebgħin artist, kemm Maltin kif ukoll barranin. Dan se jsir bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità nhar l-1 ta’ Jannar 2016 organizzata mid-Dar tal-Providenza u RTK4Charity b’risq id-Dar tas-Siġġiewi.
Din is-sena, l-pubbliku jista’ jara minn qabel dawn ix-xogħolijiet tal-arti f’wirja li se ssir fil-foyer tal-bini tal-Parlament il-ġdid bejn il-15 u 23 ta’ Diċembru 2015. Il-wirja tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00am sal-5.00pm waqt li s-Sibt u l-Ħadd il-ftuħ ikun bejn id-9.00am u s-1.00pm.Il-wirja se tkun inawgurata mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia nhar it-Tnejn, 14 ta’ Diċembru fl-4.30pm.
Nhar l-1 ta’ Jannar, jum il-Festa ta’ Ġenerożità, dawn ix-xogħolijiet se jkunu wkoll esibiti fid-Dar tal-Providenza. Kull min jixtieq jieħu sehem f’dan l-irkant jista’ jibbiddja online fuq www.dtpauction.com bejn il-15 ta’ Diċembru 2015 u l-1 ta’ Jannar 2016. Nhar l-1 ta’ Jannar wieħed jista’ wkoll jibbidja billi jċempel fuq in-numru li se jkun jidher waqt ix-xandira televiżiva tal-Festa ta’ Ġenerożità fuq l-istazzjonijiet ewlenin jew billi jiġi fis-sala tad-Dar tal-Providenza fejn se jsir l-irkant. Mill-15 ta’ Diċembru, wieħed jista’ faċilment jara l-katalgu sħiħ tax-xogħlijiet tal-arti billi jidħol fuq www.dtpauction.com
Is-CD Compilation, “Ħelu Bambin 2”, li qed jinbiegħ b’risq id-Dar tal-Providenza, jinkludi sensiela ta’ kanzunetti fosthom tnejn oriġinali u li waħda minnhom hi miktuba minn Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza nnifsu, bl-isem ta’, “O Bambin Ħelu”. Sa issa, din kienet titkanta biss mir-residenti tad-Dar stess, li fl-abbiltà kollha tagħhom ikantawha kuljum f’kull Quddiesa, bħala ringrazzjament ta’ wara t-Tqarbin, hekk kif tgħallmuha bil-widna biss minn fomm Dun Mikiel, il-missier tagħhom. F’dan is-CD, “O Bambin Ħelu” se titkanta għall-ewwel darba minn Gaia, b’arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit, biex b’hekk issa jista’ jismagħha l-poplu Malti kollu.
Hemm kanzunetta oriġinali oħra, li saret bħala tifkira tal-Ħamsin sena tal-istess Dar bl-isem ta’ “Id-Dar”, kliem ta’ Fr George Ocar Buttiġieġ, mużika ta’ Andrew Żammit u kantata minn bosta kantanti stabbiliti Maltin, l-istess kantanti li kantaw matul dan is-CD kollu. Għal dawn iż-żewġ kanżunetti saru żewġ videos ukoll.
Nhar il-Ħadd, 20 ta’ Diċembru 2015, fl-10.30am ser issir Qabża l-Baħar fil-Bajja tal-Għadira quddiem il-Maya Restaurant b’risq Id-Dar tal-Providenza. Il-Qabża l-Baħar qed issir b’inizjattiva tas-Sur Manuel Calleja ta’ Koptaco Coaches Cooperative Ltd, bl-appoġġ tal-Malta Rugby Football Union u ta’ għadd ta’ dilettanti tal-Boxing, Kickboxing, Thai Boxing, Karate u Martial Arts oħra. Membri tal-Emergency Fire & Rescue Unit (E.F.R.U) u tal-Protezzjoni Ċivili se jkunu hemm f’każ li jkunu meħtieġa kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.Min jixtieq jieħu sehem jew jagħmel donazzjoni jista’ jmur fuq il-post dakinhar tal-attività jew iċempel lis-Sur Manuel Calleja fuq 79053629.
Is-sena l-oħra madwar ħamsin ruħ sfidaw il-baħar kiesaħ tal-Għadira u ġabru €2,343 għad-Dar tal-Providenza.
Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar ma jkunux jistghu iżuru d-Dar tal-Providenza, l-Kampanja li taghlaq wara nofsillejl, se tkun trasmessa live fuq l-istazzjonijiet televiżivi. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza, fl-istudjos ta’ Radju RTK fil-Blata l-Bajda jew permezz tat-telefon.
Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon:
Donazzjoni €10 – 516 02 012
Donazzjoni €15 – 517 02 013
Donazzjoni €25 – 518 02 014
SMS Donazzjoni €7 – 506 18 922
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll is-Sur Karl Wright, Station Manager ta’ Radju RTK u s-Sur Tonio Bonello, Manager Programmi ta’ Radju RTK u l-kordinatur tal-Festa ta’ Ġenerożità u is-Sur Noel McCarthy, Head Finance & Corporate Strategy tal-APS Bank sponsor ewlieni tal-attività ta’ l-Ewwel tas-Sena.
11 ta’ Diċembru 2015