Festa ta’ Futbol fil-Kalkara b’risq id-Dar tal-Providenza
Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Settembru, mis-6.00 ta’ filgħaxija ‘l quddiem kulħadd għal Kalkara għal Festa Futbol li se ssir fil-grawnd tal-Kalkara b’risq id-Dar tal-Providenza. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata fost oħrajn mis-Sinjuri Alex Farrugia u Martin Meilaq, żewġ membri tal-kumitat organizzattiv, u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar. Kienu preżenti wkoll għadd ta’ ex-plejers Kalkariżi.
F’din il-Festa Futbol se jieħdu sehem irġiel Kalkariżi ‘l fuq minn erbgħin sena, fosthom ex-plejers tat-tim nazzjonali kif ukoll ta’ diversi timijiet magħrufa Maltin. Il-plejers kollha li se jieħdu sehem se jagħtu €10 għad-Dar tal-Providenza. Bħala mistieden speċjali għal din l-okkażjoni ser jattendi l-Arċisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona. Dawk kollha li għandhom għal qalbhom Id-Dar tal-Providenza u jixtiequ jagħmlu d-donazzjoni tagħhom huma mistiedna jattendu u jżuru l-grawnd tal-Kalkara FC fejn mistennija jkun hemm taħlita interessanti ta’ futbol u divertiment. Wieħed jista’ jagħti donazzjoni wkoll fil-kont bankarju mal-Bank of Valletta 40018703841.
Il-kumitat tal-Kalkara Boys Over 40 ilu jaħdem xhur fuq din l-inizjattiva u jinsab ċert li se terġa’ tkun suċċess kbir bħalma kienet is-sena li għaddiet. Huwa apprezzat ħafna l-appoġġ tal-midja sportiva Maltija għal din l-attività li matulha se jkunu qegħdin jiltaqgħu diversi ġenerazzjonijiet ta’ plejers Kalkariżi li tul iż-żmien żejnu l-logħba Maltija, apparti minn parteċipanti oħra li xi darba jew oħra kellhom sehem fil-klabb u t-tim tal-villaġġ pittoresk tal-Kalkara.
Fr Martin Micallef irringrazzja lill-organizzaturi, il-plejers li se jieħdu sehem, l-isponsors u lil dawk li se jattendu fil-grawnd tal-Kalkara fit-16 ta’ Settembru u se jagħmlu d-donazzjoni tagħhom b’risq id-Dar tal-Providenza. Is-sena l-oħra, li kienet l-ewwel darba li saret din l-attività, inġabru aktar minn €5,000.