Festa oħra ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar

Ingħataw dettalji tal-erba’ w għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tlieta, 17 ta’ Diċembru).

Fr Martin ħabbar li d-Dar tal-Providenza għamlet pass importanti meta akkwistat il-Liċenzji meħtieġa għall-operat ta’ kull dar li għandha kif kien mitlub minnha mill-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) li twaqqfet  b’att legali s-sena l-oħra. Permezz ta’ din il-liċenzja, id-Dar tal-Providenza qed turi fil-konkret li hi mpenjata li tipproteġi u ttejjeb id-dinjità, is-sigurtà u l-ħarsien soċjali tar-residenti u kull min ikollu bżonn is-servizzi tagħha. Id-Dar tal-Providenza hija wkoll reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (VO 1066)  biex in-nies ikunu jafu li d-Dar taħdem bi trasparenza u kontabilità sħiħa.

Bħala proġetti għas-sena li ġejja, Fr Martin semma’ l-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Komunità tal-Balluta; refurbishment u installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq, fis-Siġġiewi; refurbishment tal-erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni u kors ta’ taħriġ speċjalizzat minn professjonist barrani għall-management u l-ħaddiema dwar “Imġieba Diffiċli”.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl. Taħt it-tinda se jkun hemm ukoll il-voluntiera biex jilqgħu d-donazzjonjiet tal-pubbliku. Kull min se jkun qed iżur id-Dar tal-Providenza se jkun qed jingħata rċevuta tad-donazzjoni tiegħu.

Fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Knisja se tkun qed tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, matul il-ġurnata fil-kappella se tkun esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku relikwa b’garża bid-demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa irregalata lid-Dar soru Maltija li kienet assistiet lill-Papa waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

L-irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artist, kemm Maltin kif ukoll barranin li kellu jsir fil-foyer tal-Parlament fil-Belt Valletta nhar il-Ħamis li ġej, 19 ta’ Diċembru ġie pospost għal April tas-sena ddieħla. Madankollu, matul il-Festa ta’ Ġenerożità, il-pubbliku xorta jkun jista’ jżur il-wirja tax-xogħolijiet artistiċi li se tittella’ apposta fis-sala ewlenija tad-Dar.

Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar se jżuru d-Dar tal-Providenza se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn it-3.00pm u 9.00pm mit-triq ta’ San Niklaw (ir-runway l-antik). Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi jistgħu isegwu l-Kampanja li se tkun imxandra live fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza jew permezz tat-telefon.

Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon kif ġej:

Donazzjoni         €10       –     516 02 012

Donazzjoni         €15       –     517 02 013

Donazzjoni         €25       –     518 02 014

SMS Donazzjoni     €7    –     506 18 922

This post is also available in: English