Festa Għeneb fis-Siġġiewi
It-tielet edizzjoni ta’ Festa Għeneb ser issir nhar is-Sibt li ġej 23 ta’ Awwissu 2014 mis-7.00pm ‘il quddiem fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi. Festa Għeneb hija attività għall-familja kollha li għandha l-għan li jiġi ċċelebrat il-qtugħ tal-għeneb (vendemmia) mid-dwieli li jinsabu fis-Siġġiewi.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina qal li l-inbid li se jinġabar mit-tagħsir tal-għeneb jiġi bbottiljat u jinbiegħ bill-qliegħ imur kollu għad-Dar tal-Providenza. B’aktar minn 530,000 metru kwadru ta’ dwieli, is-Siġġiewi huwa l-lokalità bl-ikbar numru ta’ dwieli. Huwa stmat li iktar minn 400 familja fis-Siġġiewi huma direttament involuti fl-industrija tad-dwieli. Waqt l-attività Festa Għeneb isir l-għasir tradizzjonali tal-għeneb f’vaska kbira tal-ġebel mibnija fi Pjazza San Nikola.
L-attività hija organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi bis-sehem ta’ Vitimalta, li hija l-ikbar organizzazzjoni tal-produtturi f’Malta. Din l-edizzjoni qegħda ssir ukoll bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u s-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali.