Festa Futbol fil-Kalkara b’risq id-Dar tal-Providenza
Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Settembru, fis-6.00 ta’ filgħaxija kulħadd għal Kalkara għal Festa Futbol b’risq id-Dar tal-Providenza f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tagħha. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mis-Sinjuri Alex Farrugia u Martin Meilaq, żewġ membri tal-kumitat organizzattiv, u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar. Kienu preżenti wkoll għadd ta’ ex-plejers Kalkariżi li se jieħdu sehem f’din il-Festa Futbol.
Is-Sur Farrugia qal li f’din il-Festa Futbol se jieħdu sehem irġiel Kalkariżi ‘l fuq minn erbgħin sena, fosthom ex-plejers tat-tim nazzjonali kif ukoll ta’ diversi timijiet magħrufa Maltin. Kull plejer li se jieħu sehem, u hemm madwar sittin li diġà urew li se jieħdu sehem, se jagħtu €10 b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-pubbliku jista’ jagħmel donazzjoni ta’ €6.99 permezz ta’ sms fuq in-numru 50618922.
Is-Sur Meilaq qal li japprezzaw ħafna l-appoġġ tal-midja sportiva Maltija kif ukoll tal-pubbliku f’din l-attività li matulha se jkunu qed jiltaqgħu diversi ġenerazzjonijiet ta’ plejers Kalkariżi li tul iż-żmien taw sehem kbir lill-futbol Malti.
Fr Martin Micallef irringrazzja lill-organizzaturi, il-plejers li se jieħdu sehem, l-isponsors u lil dawk li se jattendu fil-grawnd tal-Kalkara fit-18 ta’ Settembru u se jagħmlu d-donazzjoni tagħhom b’risq id-Dar tal-Providenza.