“Dun Mikiel Azzopardi qeda bis-sħiħ il-missjoni li l-Mulej sejjaħlu għaliha.”

“Dun Mikiel Azzopardi qegħda bis-sħiħ il-missjoni li l-Mulej sejjaħlu għaliha.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li l-Azzjoni Kattolika Maltija u d-Dar tal-Providenza għamlu għal ruħ Mons Mikiel Azzopardi li ħamsin sena ilu waqqaf id-Dar biex tilqa’ fiha persuni b’diżabiltajiet. Fl-omelija tiegħu, Fr Martin qal li meta nfakkru lil Dun Mikiel inkunu qed infakkru qassis qaddis, dinamiku li kien kapaċi joħlom u jwettaq. Alla bagħtu biex ikun ragħaj tal-poplu tiegħu u hekk għamel b’ħafna mħabba l-ewwel fl-Azzjoni Kattolika Maltija fejn fost ħafna affarijiet oħra waqqaf il-Kummissjoni Ħidma Morda u Persuni b’Diżabilità. Minn hemm Dun Mikiel kompla biex waqqaf id-Dar tal-Providenza, propju ħamsin sena ilu, fejn ġabar il-persuni b’diżabilità li kienu moħbija u mwarrba mis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien.

Din iċ-ċelebrazzjoni saret fil-kappella tad-Dar tal-Providenza b’tifkira tat-tmienja w għoxrin sena mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi. Dun Mikiel, kif kien aktar magħruf, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.

Il-Quddiesa kienet iċċelebrata minn Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK), flimkien ma’ Fr Martin Micallef. Fi tmiemha, saru diskorsi qosra minn Fr Martin u s-Sur Dennis Buttigieg, President Ġenerali tal-AKM li fakkar il-ħidma ta’ Dun Mikiel kemm fl-Azzjoni Kattolika kif ukoll fid-Dar tal-Providenza li bit-tmexxija għaqlija tiegħu u ta’ dawk li ġew warajh illum qed tiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha. Fr Martin ippreżenta lis-Sur Buttigieg bi plattin li jfakkar il-ħamsin anniversarju tad-Dar.

Wara, il-miġemgħa li kienet magħmula l-aktar minn persuni b’diżabilità kemm residenti kif ukoll li ġew apposta minn diversi nħawi ta’ Malta, assistiet għat-tberik tal-qabar fejn hu midfun Mons Mikiel Azzopardi fid-Dar tal-Providenza stess.

10 ta’ Mejju 2015