Dar il-Kaptan tingħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2016
Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi għas-sena 2016 ingħata lil Dar il-Kaptan bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-ħamsa w għoxrin sena ta’ ħidma u impenn fil-komunità mit-twaqqif tagħha fl-10 ta’ Novembru 1991. Is-Sur Marcel Pisani irċieva l-premju f’isem Dar il-Kaptan.
Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt kunċert li sar fil-Katidral tal-Imdina, mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u l-E.T. l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna.
Il-Fondazzjoni ta’ servizzi ta’ ‘Respite Care’ – Dar il-Kaptan, tippermetti li familji li għandhom persuna b’diżabilita’ jieħdu mistrieħ regolari. Il-filosofija ta’ Dar il-Kaptan hi biex tgħin lill-familji biex ikomplu jieħdu ħsieb il-persuna b’diżabilita’ f’ambjent ta’ familja u fil-komunita’ u b’hekk jevitaw il-ħtieġa li tidħol f’istituzzjoni. Din is-sena, Dar il-Kaptan, kienet l-għażla Maltija għall-Premju Ewropew taċ-Ċittadin għal din is-sena.Il-Parlament Ewropew jagħti dan l-unur lil ħamsin persuna jew organiżżazzjoni mis-sitta w għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea għall-kontribut tagħhom għall-koperazzjoni fl-Ewropa u għal kemm jippromwovu valuri komuni.
Aktar kmieni, Fr Martin Micallef fakkar li din is-sena l-Ġnus Magħquda qed tiċċelebra l-għaxar anniversarju tat-twaqqif tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Konvenzjoni li għandha l-għan li tippromwovi, tipproteġi u tassigura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet umani u libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabilità u li tippromwovi rispett lejn id-dinjità intrinsika tagħhom. Din il-konvenzjoni Malta rratifikatha u daħlitha fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2012 u bħalissa qegħda fi stat li tiġi nkorporata fil-Liġi Maltija biex b’hekk id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jkomplu jiġu mħarsa u msaħħa b’kull mod possibbli.
Fr Martin qal li minkejja dan kollu huwa fid-direzzjoni t-tajba għad baqa’ ħafna xi jsir biex, per eżempju, il-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għad-dritt li jagħżlu huma fejn u ma’ min joqogħdu; li jkollhom aċċess għal kull post ta’ divertiment u kultura bħal kulħadd; li s-soċjetà in ġenerali titgħallem tuża lingwaġġ favur l-inklużjoni u l-ugwaljanza u li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għall-ġustizzja indaqs mal-kumplament tas-soċjetà.
Huwa temm jgħid li d-Dar tal-Providenza tibqa’ mpenjata li tkompli tagħti s-sehem tagħha kemm fil-ħidma tagħha kif ukoll fuq livell nazzjonali biex din il-Konvenzjoni tissarraf f’azzjonijiet konkreti li jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità.
Id-diskors ewlieni sar minn Annabelle Xerri, li ta’ sitt snin tilfet is-smigħ, u li f’Ġunju li għadda ngħatat The Queen’s Young Leaders Award minn fost ħamsa w erbgħin pajjiż tal-Commonwealth. Hija qalet li din is-sena, mument storiku għall-persuni neqsin mis-smigħ kien meta il-Parlament ta’ Malta approva l-liġi li tagħraf uffiċċjalment il-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala lingwa uffiċċjali ta’ Malta. Dan ifisser li l-lingwa tas-sinjali Maltija se tkun aktar preżenti fis-soċjetà u fil-kultura ta’ Malta u Għawdex.Il-persuni neqsin mis-smigħ se jkollhom aktar aċċessibiltà, aktar opportunitajiet u aktar għażliet fil-ħajja, inkluż fl-edukazzjoni, fix-xogħol, fil-qasamtas-saħħa, fil-media, fis-servizzi governattivi, fil-qrati u fil-ħajja soċjali u kulturali.
Hija ħadet l-opportunità biex tirringrazzja lil dawk il-persuni li b’xi mod jew ieħor emmnu fiha, tawha vuċi u fetħulha ħafna bibien bl-opportunitajiet li pprovdewla. Għaliex għalkemm minn dejjem kellha mħabba speċjali u l-appoġġ tal–familja u tal-ħbieb tagħha, xorta waħda kellha mumenti fejn kienettħoss li ma tiswa għal xejn u li qatt mhi se tkun kapaċi fil-ħajja. Kien zmien mudlam fejn x’uħud ma emmnux fil-kapaċitajiet tagħha u ma tawhiex ċans turi u tiżviluppa l-potenzjal tagħha, minħabba n-nuqqas ta’ smigħ. Mentri llum, kompliet tgħid Annabelle, kienet tinsab f’post sabiħ u speċjali, minkejja li ma tismax u minkejja li għandha bżonn l-għajnuna biex ikollha aċċessibiltà fis–soċjetà. Għalkemm sfortunatament, għad hawn min mhuwiex apprezzat, hija qalet li llum tħoss li għandha abbiltajiet u li għandha x’toffri, għandha vuċi li tfisser xi ħaġa u li tista’ tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.
Kemm Mons Arċisqof kif ukoll il-President ta’ Malta aċċennaw għad-diskors ta’ Annabelle Xerri. L-Arċisqof Scicluna qal li Annabelle tat messaġġ qawwi għax fil-persuna tagħha hija l-isbaħ preparazzjoni għall-Milied din is-sena għax hi ukoll qed tistenna tarbija. Huwa żied jgħid li fl-Avvent nitkellmu ħafna fuq li nisimgħu il-kelma ta’ Alla imma Annabelle għallmitna li s-smigħ tal-kelma hija xi ħaġa tal-qalb, mhux tas-sensi. Kif aħna nisimgħu il-kelma ta’ Alla, hi ukoll tisma’ il-kelma ta’ Alla mhux bis-sensi imma bil-qalb.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li Annabelle uriet x’kapaċi tagħmel meta hemm ir-rieda u d-determinazzjoni u ta’ kemm hawn sbuħija fid-diversità tal-abbiltajiet. Is-soċjetà tagħna ssir rikka meta aħna nagħrfu napprezzaw id-diversità. Madankollu, Annabelle tat dak li l-President sejħet ‘reality check’ li minkejja li rridu napprezzaw li matul għexieren ta’ snin taħt gvernijiet differenti f’dan il-pajjiż għamilna passi l-quddiem biex persuni b’diżabilità jingħataw l-opportunità biex juru l-abbiltajiet differenti tagħhom, Annabelle fakkret ukoll li ma rridux nalenjaw rasna għax il-vjaġġ tagħna għadu mhux komplut.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast WO1 Jonathan Borg. Il-programm mużikali kien jinkludi xogħlijiet ta’ Nino Rota, John Stevens, Rachmaninoff,Ottorino Respighi, Hay Malotte, John Williams, Handel, Giuseppe Verdi, Giacomo Puccini, Paolo Nani u l-Bdr Twanny Bugeja. Il-Banda tal-FAMkienet akkumpanjata mill-Coro Bel Canto.
Il-Premju Dun Mikiel Azopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni jew organiżżazzjonijiet fil-qasam tal-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Għawdex. Dan il-Premju tnieda għall-ewwel darba fl-1995, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. Il-Kunċert kien organizzat mill-RTK4Charity u d-Dar tal-Providenza bil-kortesija tal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina.