Concerto Buffo mill-voluntiera ta’ Dr Klown fid-Dar tal-Providenza

It-tobba ta’ Dr Klown, normalment ma jidhrux fuq palk. Madankollu, din is-sena għamlu eċċezzjoni biex jiċċelebraw il-jum annwali tagħhom ta’ Dr Klown bil-CONCERTO BUFFO, maħluq b’mod speċjali għar-residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Fis-snin l-imgħoddija, Jum Dr Klown kien attività għall-pubbliku in ġenerali, żgur li ħafna jiftakru il-Parata ta’ Dr Klown fuq ix-xatt ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema li fih ħadu sehem aktar minn 700 tifel u tifla. Din id-darba, iddeċidew li jużaw il-ħiliet tagħhom biex iwasslu ftit dawl tax-xemx lir-residenti tad-Dar.

Wara sensiela ta’ provi, irnexxielhom itellgħu programm oriġinali u kkulurit għar-residenti tad-Dar tal-Providenza, taħlita ta’ żfin, ċajt u daqq mużikali u naturalment dak kollu li jafu jagħmlu il-buffi. Kultant kemmxejn storbjużi, imma buffi jibqgħu buffi. Il-voluntiera kollha ta’ Dr Klown ħadu sehem fid-divertiment u kantaw għanjiet folkloristiċi popolari mar-residenti li ingħaqdu magħhom flimkien mat-Tikka Band li ħadu sehem fit-tieni parti tal-programm. Kien hemm żfin bis-siġġijiet tar-roti, figuri mill-bżieżaq u l-buffi jagħmlu li jafu u jħobbu jagħmlu biex ir-residenti kellhom divertiment li ma tantx jinsewh malajr.

This post is also available in: English