Bijografija
Monsinjur Mikiel Azzopardi twieled il-Belt Valletta, Malta fl-10 ta’ Frar 1910 minn Toninu Azzopardi u Amalja nee’ Galea. Huwa tgħammed tlett ijiem wara fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Porto Salvo, il-Belt Valletta. Mikiel irċieva l-Ewwel Tqarbina fl-età ta’ sitt snin mill-Arċisqof Dom Mauro Caruana OSB fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann u sena wara rċieva l-Griżma tal-Isqof mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Angelo Portelli.
Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Gvern f’Sant Iiermu, il-Belt Valletta, fis-Seminarju ta’ Għawdex, fil-Liceo tal-Belt u fl-Università Rjali ta’ Malta fejn beda jsegwi l-kors tal-Liġi.
Fl-adoloxxenza tiegħu, l-indefatikabbli Monsinjur Enrico Dandria kien stiednu biex jibda jattendi ċ-Ċirkolu Gioventù Kattolika. Il-personalità ta’ Monsinjur Dandria żgur li ħalliet marka kbira fuqu.
Erba’ snin wara li kien ilu jistudja l-Liġi, għaraf li l-Mulej kien qiegħed isejjaħlu biex isir saċerdot, u għalhekk qatagħha li jitlaq mill-Università. Bil-barka tal-Arċisqof Caruana, huwa mar Ruma fejn ħa l-formazzjoni saċerdotali tiegħu fil-Kulleġġ Pontifiċju Skoċċiż u studja fl-Università Pontifiċja Gregorjana minn fejn iggradwa fit-Teoloġija.
Monsinjur Azzopardi kien ordnat saċerdot fit-22 ta’ Diċembru 1934, fl-età ta’ 24 sena, mill-Arċisqof Dom Mauro Caruana OSB. Ftit wara l-ordinazzjoni tiegħu l-Arċisqof ħatru bħala l-assistent personali tiegħu.
L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet dik ta’ Prefett tal-Istudji fis-Seminarju tal-Arċisqof fil-Floriana. Wara sitt snin daħal jaħdem mal-Gvern bħala għalliem tar-Reliġjon fil-Liċeo u wara nħatar Direttur Spiritwali Distrettwali fl-iskejjel tal-Istat. Aktar tard inħatar Spettur tal-Edukazzjoni Reliġuża fl-iskejjel, kariga li baqa’ jżomm għal ħafna snin. Sakemm dam f’din il-kariga, kien ukoll jgħallem il-Kateketika fil-Kulleġġi għat-Taħriġ tal-Għalliema f’Tal-Virtù u f’Ta’ Giorni, kif ukoll, kull nhar ta’ Ġimgħa kien jagħmel l-ispjega tal-Vanġelu minn fuq ir-Rediffusion għat-tfal tal-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.
Fl-1940, sar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika u beda jaħdem biex jorganizza u jxerred dan il-moviment ekkleżjali tal-lajċi fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex. Wara l-Kungress li organizza f’Ħal Qormi fl-1943, li huwa sejjaħ ‘il-Miraklu tal-Qawmien’, irnexxielu jagħmel minn din l-għaqda, matul is-snin twal li dam jaħdem fiha, forza qawwija ta’ lajċi mħeġġa bi spirtu ta’ appostolat, b’imħabba kbira lejn Alla u lejn il-Knisja u bi spirtu ta’ servizz għall-proxxmu.
Monsinjur Azzopardi kien tabilħaqq mexxej kariżmatiku li mogħni b’kelma mimlija ħeġġa u entużjamu kien ikaxkar lil bosta mill-membri biex imiddu jdejhom għax-xogħol u l-ħidma li kienet tafdalhom l-Azzjoni Kattolika. Mhux biss irnexxielu jwaqqaf ċirkoli tal-Azzjoni Kattolika tal-irġiel, tan-nisa, tax-xebbiet, tal-ġuvintur u tat-tfal fil-parroċċi kollha, iżda wkoll ħoloq tant inizjattivi ġodda favur l-emigranti, il-membri tal-istampa,għalliema, membri ta’ professjonijiet differenti, studenti, il-morda u l-persuni b’diżabilità.
Fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta huwa waqqaf ukoll, fost oħrajn, il-Ġunta Djoċesana għall-Għaqdiet Kattoliċi u l-Kunsilli Parrokkjali.
Dun Mikiel ġie maħtur Membru Konventwali Ad Honorem fl-Ordni Sovran Militari ta’ San Ġwann u fil-21 ta’ Jannar 1951 kien onorat bit-titlu ta’ Cameriere Segreto di Sua Santità mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Piju XII. Fl-istess żmien huwa ġie wkoll maħtur Kanoniku Onorarju tal-Kapitlu Metropolitan. Fis-sena 1968, Monsinjur Azzopardi ġie ppremjat bil-Midalja għall-Mertu mill-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi ta’ Malta. Fl-1 ta’ Ġunju 1981, Dun Mikiel inħatar Prelat Onorarju mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
Fil-ħidma pastorali tiegħu skopra li diversi persuni b’diżabilità f’Malta kienu qed jgħixu fi stat deplorabbli tant li kienu jinħbew fil-kantini, f’ambjenti inumani għall-aħħar, fejn kultant lanqas l-aħwa tagħhom stess ma kienu jkunu jafu bihom. Persuni oħra b’diżabilità kienu spiss jiġu rredikolati fil-pubbliku jew mibgħuta f’xi sptar mhux adattat għalihom. Dun Mikiel kien iħoss ukoll li diversi familji ta’ persuni b’diżabilità kellhom bżonn urġenti li jsibu min joffrilhom solliev. Kien hawn li nibtet fih l-idea li jsib post li fih dawn il-persuni jsibu ambjent fejn jgħixu – ambjent li jixirqilhom u jirrispetta d-dinjità tagħhom.
Għaldaqstant, fit-12 ta’ Settembru 1965, b’donazzjoni ġeneruża ta’ Lm100 mogħtija lilu minn mara li kienet faddlithom biex tmur fuq btala. Dan kien il-ġenesi tad-Dar tal-Providenza, l-ewwel Dar f’Malta li bdiet toffri servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità. Sa llum d-Dar tal-Providenza għada miraklu ħaj tal-Providenza Divina.
Mons. Mikiel Azzopardi miet fit-13 ta’ Mejju 1987 fl-età ta’ 77 sena u ndifen fejn dejjem xtaq, fil-bitħa tad-Dar tal-Providenza stess qalb il-persuni b’dizabiltà li tant kien iħobb. Il-Quddiesa tal-funeral tiegħu saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta fl-14 ta’ Mejju 1987 u kienet immexxijja mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
Mons. Mikiel Azzopardi flimkien ma’ pijunieri oħra Maltin f’dan il-qasam ħadem ħafna biex jintgħelbu l-ostakoli li kienu jeżistu fis-soċjetà Malijta u hekk jgħinu lill-persuni b’diżabilità jakkwistaw ir-rispett u d-dinjità mistħoqqa u hekk huma jkollhom opportunitajiet indaqs fi ħdan il-komunità tagħhom.
This post is also available in: English