Angela Agius tirċievi l-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2015
Anġela Agius, persuna nieqsa mis-smigħ ingħatat il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2015. F’Ġunju li għadda, Anġela għalqet ħamsin sena, propju f’għeluq il-Ħamsin Anniversarju tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, id-Dar li kienet waħda mit-tarġiet importanti li għenu biex Anġela waslet fejn hija llum. Il-fatt li Anġela sabet persuni li emmnu fiha, emmnu fil-potenzjal tagħha, emmnu fil-ħolma tagħha u fuq kollox emmnu fl-importanza tal-indipendenza tagħha għen sabiex hija setgħet issarraf id-diżabilità tagħha f’abbiltà pożittiva ta’ kwalità’ ta’ ħajja aħjar fil-komunità. (Ritratt mehmuż. Bijografija aktar dettaljata hija mehmuża wkoll).
Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tal-Providenza, waqt kunċert li sar fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità. Fr Martin qal li ħamsin sena ilu Dun Mikiel sab il-kuraġġ biex jibda din l-opra kbira li mhux biss offriet residenza fit-tul u għal żmien qasir lil diversi persuni imma wkoll tat il-kontribut tagħha biex il-poplu Malti jħares b’mod aktar pożittiv lejn il-persuni b’diżabilità u minn nies moħbija fil-kantini u bla vuċi, illum il-persuni b’diżabilità ssibhom bħal ħaddieħor, jgħixu fil-qalba tal-komunitajiet tagħna u jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-ħajja. Illum huma dak li l-Arċisqof tagħna, Mons Charles J. Scicluna ippreżenta lill-Papa Franġisku fil-Vatikan f’Settembru li għadda: ‘Warda sabiħa tal-Knisja Maltija’.
Il-kunċert u l-preżentazzjoni tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi saru taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, Mrs Marie Louise Coleiro Preca li kienet rappreżentata mir-raġel tagħha s-Sur Edgar Preca u l-E.T. l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna. F’kelmtejn li għamel, Mons Arċisqof irringrazzja lil Anġela, li għalkemm nieqsa mis-smigħ, kienet preżenti u l-preżenza tagħha kienet preżenza sabiħa. Huwa żid jgħid li dawk kollha preżenti fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kienu hemm biex jixhdu l-vanġelu tal-ħajja li jgħid li kull ħajja għandha valur. Huwa temm billi ħeġġeg għat-talb biex il-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Mons Mikiel Azzopardi timxi ‘l quddiem. Is-Sur Oliver Scicluna, Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, kien ukoll wieħed mill-kelliema.
Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta w Għawdex. Dan il-Premju tnieda ghall-ewwel darba għoxrin sena ilu, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. (Lista tar-rebbieħa kollha hija mehmuża).
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Borg bis-sehem tas-sopran Claire Caruana u t-tenur Gunner Georg Zammit flimkien mal-Kor Bel Canto taħt it-tmexxija tas-Surmast Hermann Farrugia Frantz u l-kor tal-istudenti tal-Kulleġġ De La Salle immexxi mis-Surmast Ray Sciberras. Fost ix-xogħlijiet mużikali li kienu nklużi fil-programm kien hemm xogħlijiet tal-kompożituri Maltin Freddie Mizzi, Stephen Decesare, Christopher Muscat, Hermann Farrugia Frantz u Ray Sciberras. (Ritratt mehmuż)
Il-Kunċert kien organizzat mill-RTK4Charity u d-Dar tal-Providenza bil-kortesija tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.