Aktar minn €3,000 jinġabru minn qabża l-baħar b’risq id-Dar tal-Providenza
Minkejja t-temp ikraħ kultant bix-xita u r-ragħad, aktar minn €3,000 inġabru dalgħodu (il-Ħadd, 20 ta’ Diċembru 2015), meta għadd ta’ persuni sfidaw il-baħar kiesaħ tal-Bajja tal-Għadira b’risq Id-Dar tal-Providenza. (Żewġ jpgs mehmuża) Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fl-għuma ta’ dalgħodu u fakkar li fl-ewwel tas-sena il-poplu Malti w Għawdxi se jerġa jkollu l-opportunità li bil-ġenerożità li dejjem wera jgħin lid-Dar tal-Providenza.
Il-Qabża l-Baħar saret b’inizjattiva tas-Sur Manuel Calleja ta’ Koptaco Coaches Cooperative Ltd, bl-appoġġ tal-Malta Rugby Football Union u ta’ għadd ta’ dilettanti tal-Boxing, Kickboxing, Thai Boxing, Karate u Martial Arts oħra. Is-sena l-oħra kienu nġabru €2,343.
Din l-attività kienbet marbuta mal-okkażjoni tal-Ħamsin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. Il-flus li nġabru se jingħataw lid-Dar waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li wkoll issir b’risq id-Dar fl-1 ta’ Jannar 2016 organizzata mid-Dar tal-Providenza u RTK4Charity.