Residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes

Grupp ta’ mija u disgħin pellegrini Maltin ħadu sehem fil-pellegrinaġġ ta’ kull sena għal Lourdes organizzat mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL). Il-pellegrinaġġ li tmexxa minn Fr Josè Debono sar bejn it-22 u s-27 ta’ Awwissu 2019. Jagħmlu parti mill-grupp kien hemm tliet residenti flimkien ma’ Sr Lorenza Borg u s-support workers tagħhom.

Minbarra l-pazjenti, il-grupp kien magħmul fost oħrajn minn voluntiera fosthom żgħażagħ, tobba, infermiera, support workers u saċerdoti. Kull pazjent kellu wieħed jew żewġ support workers miegħu skont l-esiġenzi tal-każ. Kien hemm ukoll tobba u nfermiera mir-Renal Unit fl-Isptar ta’ Mater Dei li raw li pazjenti setgħu ikollhom trattament tad-Dialysis kemm damu f’Lourdes.

Il-grupp ħa sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux, fil-Via Sagra kif ukoll fil-quddiesa internazzjonali li kienet iċċelebrata l-Ħadd. Huma kellhom ukoll quddiesa bil-Malti fil-grotta stess.

Kull sena, l-Assoċjazzjoni tgħin persuni morda biex jagħmlu l-vjaġġ minn Malta għall-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar tal-1858. L-Assoċjazzjoni tippromwovi d-devozzjoni universali lejn il-Madonna, torganizza u tikkordina pellegrinaġġi f’Lourdes għall-morda. Iġġib ukoll flimkien persuni dedikati u ispirati mill-karità biex ikunu voluntiera biex jgħinu il-morda matul il-pellegrinaġġi.

This post is also available in: English