€26,300 miġbura waqt lejla gastronomika b’risq Id-Dar tal-Providenza

€26,300 inġabru waqt lejla gastronomika b’risq Id-Dar tal-Providenza organizzata minn Infinitely Xara Co. Ltd, li s-sidien tagħha huma l-familja Zammit Tabona. Din l-ikla, li ġiet organizzata għat-tielet sena konsekuttiva, saret f’Misraħ il-Kunsill fl-Imdina, biswit il-Kunsill Lokali tal-Imdina u bl-isfond tal-faċċata grandjuża tal-lukanda ta’ ħames stilel, The Xara Palace Relais & Chateaux. Aktar minn mija u sebgħin ruħ attendew għal ikla ta’ ħames korsi akkumpanjata b’inbejjed differenti u mużika akustika minn Fiona Cauchi.

L-ikla saret taħt il-patroċinju tal-E.T. Monsinjur Joe Galea Curmi, l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta. F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li f’dawn l-aħħar sentejn inġabret is-somma sabiħa ta’ €55,000. Fl-2017, mill-attività nġabru €27,730 li ntużaw biex jiġi nstallat lift ġdid fil-Villa Papa Ġiovanni waqt li s-sena l-oħra bis-€27,300 li nġabru ntrawx tmin trolleys speċjalizzati għat-tqassim tal-ikel. Fid-Dar tal-Providenza joqogħdu 115-il persuna b’diżabilità u fil-parti l-kbira tiddependi mill-ġenerożità tal-benefatturi u għotjiet mill-pubbliku biex tkun tista’ tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja li tipprovdi lir-residenti. Għaldaqstant din l-għotja mill-Infinitelt Xara Co. Ltd. Hija apprezzata ħafna.

Fr Martin kellu kliem ta’ tifħir għall-Management, li organizza din l-ikla gastronomika, l-istaff tal-kċina u l-waiters, kif ukoll l-isponsors kollha li mingħajr l-appoġġ tagħhom din l-attività ma kinetx tkun possibbli. Is-Sinjura Nicola Paris, Direttur ta’ Infinitely Xara, irringrazzjat lil dawk kollha preżenti għall-appoġġ tagħhom f’dawn l-aħħar tliet snin li għenu biex inġabru total ta’ €81,300.

Għall-ikla attendew diversi kumpaniji stabbiliti li taw ġenereżomant għad-Dar tal-Provienza. Is-sħab ewlenin għal din l-ikla kienu Conrad Family Office, PWC, VJ Salomone Marketing Ltd, Halmann Vella Ltd, KRS Releasing, The Point Shopping Mall, MFSA, GSD Marketing Ltd, Malta International Airport, Insignia Cards, Francis J. Vassallo & Associates Group, Seifert Systems Ltd, the P. Cutajar Foundation u l-Kunsill Lokali tal-Imdina.

Ringrazzjament speċjali jmur għal dawk in-nies kollha li taw sehemhom matul din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi, il-ħaddiema, il-voluntiera, l-isponsors u Rachel Galea, Michelle Gialanze u Zoë Hili li taw ix-xogħlijiet tal-arti tagħhom li nbigħu waqt is-serata.

This post is also available in: English