Jitfakkar it-32 Anniversarju tal-mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi, Fundatur tad-Dar tal-Providenza
Fil-kappella tad-Dar tal-Providenza saret ċelebrazzjoni ewkaristika biex jitfakkar it-tnejn u tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965. Għal din il-Quddiesa attendew għadd ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar tal-Providenza. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.
Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien ma’ Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika). Fl-omelija tiegħu, Fr Martin iddeskriva lil Dun Mikiel Azzopardi bħal ragħaj tajjeb li għadu jispira lis-soċjetà Maltija bil-viżjoni u l-ħidma tiegħu biex il-persuni b’diżabilità jingħataw rispett, dinjità u drittijiet li fi żmienu ma kellhomx. Hu għen ukoll il-mod kif is-soċjetà ta’ żmienu kienet tħares lejn il-persuni b’diżabilità. Il-persuni b’diżabilità mhumiex nies tat-tieni klassi imma persuni bi drittjiet ugwali. Bħalissa fid-Dar jgħixu madwar mija u ħmistax-il persuna b’etajiet ta’ bejn l-erbatax u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara, iż-Żurrieq u oħra f’Balluta li mistennija tinfetaħ aktar tard din is-sena. Fr Martin fakkar ukoll fil-viżjoni ta’ Jean Vanier li miet ftit ġranet ilu, propju fis-7 ta’ Mejju fl-età ta’ 90 sena. Vanier, li kien żar id-Dar tal-Providenza f’Settembru 1985, bħal Dun Mikiel waqqaf il-komunitajiet magħrufa bħala L’Arche fejn persuni b’diżabilità intellettwali jgħixu fi djar żgħar fil-komunità flimkien ma’ dawk li jagħtuhom sapport. Illum L’Arche hija mifruxa f’seba’ u tletin pajjiż mad-dinja kollha. Jean Vanier jgħid li tgħix mal-persuni b’diżabilità jgħinek tapprezza s-sabiħ li hemm f’qalbhom u l-valur uniku ta’ kull persuna. Ġesu qatt ma warrab lil ħadd u jurina li jixtieq jinkludi lil kulħadd tant li għażel li jiċċekken u jsir wieħed bħalna. Huwa jisħaq li d-dinja teżalta lil min kapaċi jitla’ l-iskaluna tas-suċċess, tal-ambizzjoni, tal-kompetizzjoni, tal-ġid materjali u tal-poter. Minkejja l-liġjiet u l-konvenzjonijiet favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għad hawn min iħares lejn il-persuni b’diżabilità bħala “problema” u għalhekk nippromovu l-abort ta’ persuni b’dizabiltà fil-ġuf u niddeskriminaw ma’ persuni b’diżabilità.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, sar diskors qasir mis-Sur Josef DeBono, President tal-AKM, fejn ikkritika kliem ta’ mibgħeda lejn il-persuni b’diżabilità li smajna dan l-aħħar f’pajjiżna u ħeġġeġ biex, bħal Dun Mikiel, nippromovu l-kultura tal-ħajja li tirrispetta lil kull persuna sa mill-konċepiment tagħha. Wara, dawk preżenti inġabru u talbu madwar il-qabar ta’ Mons Azzopardi.
This post is also available in: English