“La Via Del Calvario”, Kunċert ta’ Mużika Sagra b’risq Id-Dar tal-Providenza
Il-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina kien mimli nhar is-Sibt, 13 ta’ April għal “La Via Del Calvario”, kunċert ta’ Mużika Sagra għall-Ġimgħa Mqaddsa mill-Banda tal-Pulizija ta’ Malta taħt it-tmexxijja tas-Surmast Direttur, l-Assistent Kummissarju Anthony Cassar. Għall-kunċert, li sar b’risq Id-Dar tal-Providenza, kienu preżenti fost oħrajn l-E.T. Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Michael Farrugia, l-E.T. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Kummissarju tal-Pulizija, s-Sur Lawrence Cutajar u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar fis-Siġġiewi.
Il-Banda tal-Pulizija kienet akkumpanjata mill-Amadeus Chamber Choir, il-Guest Musicians Ensemble, is-sopran Ruth Sammut Casingena, it-tenuri Brian Cefai u Charles Vincenti, l-organista tal-Katidral tal-Imdina Dr Chris Rolè, l-arpista Esmeralda Galea Camilleri, il-vjolinista u sassofonista Mro. David Joseph Sammut flimkien mal-Pipe Band tal-Korp ral-Pulizija. B’kollox, fil-kunċert ta’ sagħtejn u nofs ħadu sehem mhux inqas minn mija u għoxrin parteċipant.
“La Via Del Calvario” kien wieħed minn tlitt kunċerti li huma ppjanti għal matul din is-sena biex jitfakkru il-25 Anniversarju mir-riattivazzjoni tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija fl-1994 u l-205 Anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija fl-1814.
This post is also available in: English