Omelija waqt il-quddiesa tal-funeral ta’ Debbie Schembri
Omelija li għamel Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-quddiesa tal-funeral ta’ Debbie Schembri fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata
Naħseb li l-ewwel darba li rajt lil Debbie kien meta fit-tieni sena tiegħi mort nagħmel ġurnata volontarjat id-Dar tal-Providenza u ltqajt magħha fis-segreterija fejn dak iż-żmien kienet taħdem. It-tieni darba li rajtha kienet waqt il-quddiesa fuq il-fosos tal-Floriana meta kien ġie għall-ewwel darba l-Papa Ġwanni Pawlu II. Dakinhar flimkien mal-ġenituri tagħha tellgħet il-pissidi tal-ostji waqt l-offertorju. Xi ftit tas-snin ilu rnexxieli nakkwista kopja tar-ritratti ta’ din l-okkażjoni unika mill-arkivji tar-ritratti tal-Vatikan u għamilt kopja lil Debbie li tant ħadet ġost bihom. Mur igħidli li snin wara kien se jkolli x-xorti nsir nafha mill-qrib daqshekk.
Illum, binha, missierha, oħtha, familjari, kollegi u ħbieb ninsabu lkoll ixxukkjati bil-mewt ta’ Debbie li ġiet bla nistennija għalkemm dan l-aħħar saħħitha ma tantx kienet tajba. Il-ħajja kollha misteri, kollha sorpriżi kuntant sbieħ u kultant koroħ, diffiċli bħal din ta’ llum. Imma fil-ħemda ta’ dan il-mument diffiċli, il-Mulej jiġi f’nofsna bħalma deher f’nofs l-Appostli mbeżżgħa mill-Lhud fiċ-ċenaklu, imbikkma bil-mewt ta’ dan Ġesu u jgħidilhom; “il-Paċi magħkom.” Kuraġġ ħbieb qed tarawni jien qomt mill-mewt. Ma tiftakrux x’igħidtilkom meta għamilt l-aħħar ikla magħkom?: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; mbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni.” (Ġw 16.16) “Hawn jien ninsab fostkom imqajjem mill-mewt. Issa sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex noħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Gw 14:2-3). Ejjew f’dan il-mument diffiċli nsaħħu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet. Lil Martha, oħt Lazzru, Ġesù qalilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen.” [Ġw11,25-27] Ejja llum inwieġbuħ aħna wkoll bl-istess kliem ‘Iva, Mulej’. Nemmnu li Debbie li f’għajnejna hija mejta, nemmnu li llum waslet fid-destinazjoni aħħarija tagħha miegħek fis-sema għal dejjem. Hi din il-fidi fil-qawmien mill-imwiet li f’mument daqshekk diffiċli nistgħu inħossu l-Mulej jixxotta d-dmugħ tagħna u jibdlu fi dmugħ ta’ ferħ u tama.
Dan il-mument diffiċli barra li huwa mument fejn il-Mulej jgħinna nġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet huwa fl-istess ħin mument sabiħ biex nirringrazzjaw lil-Mulej li jagħtina persuni li jispirawna bħal Debbie.
Debbie kienet tispirak bid-determinazzjoni kbira tagħha, id-determinazzjoni li tgħix, li tistudja, li taħdem, li tgawdi l-ħajja, li tiġġieled għad-drittijiet tagħha u ta’ ħaddieħor, id-determinazzjoni li ssir omm, Ostakli biex tiddetermina ħajjitha hija stess sabet ħafna imma Debbie kienet fighter. Qatt ma qatgħet qalbha toħodha kontra d-diżabilita li s-soċjetà taf toħloq lil persuni bħalha. Kemm jgħodd għaliha l-versett mil-ktieb tal-Proverbji “Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa aktar mill-ġawhar.” (Prov. 31:10)
Kienet mara li tapprezza l-impenn ta’ dawk li f’ħajjitha kienu ta’ appoġġ biex timxi l-quddiem. Insemmu biss, biex żgur ma ninsew lil ħadd, lil Dun Mikiel Azzopardi li dejjem kienet tgħid li kien jemmen fiha. F’wieħed mid-diskorsi tagħha kienet qalet: ”Kien jemmen li aħna l-persuni b’diżabilità jixirqilna dak li jixraq lil kull persuna umana; jixirqilna kull rispett u dinjità, jixirqilna opportunitajiet indaqs biex ikollna kwalità ta’ ħajja xierqa, nistgħu insemmgħu leħinna u nagħtu l-kontribut tagħna wkoll għall-ġid tas-soċjetà li ngħixu fiha.” Illum, Debbie tirringrazzja lil dawk kollha li f’ħajjitha stmawha b’dan il-mod, lil dawk kollha li kienu jfissru ħafna għaliha. Il-lista hija twila. Hawn ippermettuli nsemmi lil Sr Victoria li kienet ħadet ħsiebha meta kienet żgħira.
Illum, is-settur tal-persuni b’diżabilità tilef vuċi. Inħeġġeġ lill-persuni b’diżabilità biex fuq l-eżempju ta’ Debbie ma jibżgħux isemmu leħenhom, ma jibżgħux jiġġieldu d-diskriminazzjonjiet, ħafna drabi sottili, li jiltaqgħu magħhom kuljum. Il-bidliet fl-attitudnijiet neġattivi tan-nies jinbidlu biss jekk ma nibqgħux siekta, jekk noħolqu aktar kuxjenza favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u dak li jostakolhom milli jistgħu japparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tas-soċjetà bħal ħaddieħor.
Fl-iskrittura Alla jurina li aħna llkoll prezzjużi f’għajnejh, illkoll maħluqa xhiebha tiegħu. (Gen 1,27) llkoll indaqs f’għajnejħ. Debbie kienet prezzjuża f’għajnejh bħal kull persuna li titnissel fil-ġuf. U kif naqraw fl-Ewwel Ktieb ta’ Samwel, kapitlu 16 vers 7, “Alla ma jħarisx lejn is-sura tal-bniedem, jew it-tul ta’ persuntu. Alla ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.”
Grazzi, Mulej ta’ Debbie, ta’ dak li għallimtna permezz tagħha, ilqagħha fi ħdanek fis-sema.
Debbie, il-Mulej jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem.
This post is also available in: English