Kunċert ieħor bil-għan li jinġabru flus jintemm b’suċċess

Il-kunċert tant mistenni imsejjaħ “Festa ta’ Ġenerożità” bil-għan li jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza sar nhar il-Ħadd, 25 ta’ Frar fil-La Vallette Social Centre u kien suċċess akbar mis-soltu kemm fil-ġbir ta’ flus kif ukoll fil-varjetà provduta.
Din kienet it-tieni darba li sar dan il-kunċert li s-sena l-oħra sar fil-Ħamrun Club. Il-kumitat u l-volontiera ta’ La Valette Social Centre jixirqilhom kull tifħir u ringrazzjament għax-xogħol li għamlu fis-sala u fil-kċina. Is-sala kellha dehra tassew eleganti!
L-istess jista’ jingħad għall-għadd sabiħ ta’ artisti u kantanti, fosthom il-kor popolari MCA, għall-professjonaliżmu tagħhom kif ukoll għall-fatt li taw sehemhom mingħajr ħlas. Il-varjetà baqgħet sejra għal aktar minn erba’ siegħat.
Mistednin speċjali għas-serata kienu id-Deputat Kummissarju Għoli għal Malta, Ms Denise Demicoli, is-Sur Emanuel Camilleri, President tal-Maltese Community Council ta’ NSW, is-Sinjura Antoinette Caruana, President tal-La Vallette Social Centre u l-isponsor ewlieni tal-attività, is-Sur George Vella ta’ Breakaway Travel, Blacktown.
Kienet ħaġa sabiħa tara r-rappreżentanti ta’ Assoċċjazzjonijiet Maltin fi NSW. Il-ġenerożità tal-poplu Malti kienet evidenti u meta saret is-sejħa għad-donazzjonijiet wieħed seta’ jara serbut ta’ nies jitfgħu l-envelope bil-flus.
Iċ-Chocolate Wheel taħt is-superviżjoni ta’ Bill Schembri, kienet attrazzjoni kbira. Ringrazzjament għandu jmur lil Agnese u Greg Cardona għax kienu l-mutur wara l-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-biljetti.
F’isem The Friends of Providence House NSW apprezzament u grazzi mill-qalb imorru lil dawk kollha li attendew. Grazzi kbira wkoll lill-isponsors, Breakaway Travel, Minchinberry Fruit Market u Zammit Ham & Bacon Curers. Ta min isemmi l-appoġġ li kien hemm mid-‘The Voice of the Maltese’ u l-istazzjonijiet tar-radju 2GLF, SWR FM u WOW FM kif ukoll lil dawk li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnuna tagħhom.
Sa issa is-somma li nġabret laħqet it-$8,000. Madankollu, l-organizzaturi għadhom jilqgħu għotjiet li jistgħu isiru direttament lil: The Friends of Providence House NSW, CBA Bank, BSB: 062416 Account No: 10199448. Jista’ wkoll jiġi ikkuntattjat Jim Borg fuq 9636 7767.

(Rapport minn Jim Borg u Marisa Previtera)

This post is also available in: English