MESSA DA REQUIEM mill-Media Foundation for Music

Il-Proġett
Il-Medina Foundation for Music għandha l-pjaċir tippreżenta l-aħħar xogħol ta’ Mro. Mark Agius, il-Messa Da Requiem (2017) li se tiġi ppreżentata għall-ewwel darba fis-16 ta’ Marzu 2018 fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mis-St Paul Chamber Ensemble, waħda mill-aħjar orkestri f’Malta.
Il-Messa Da Requiem hija xogħol bi tmien movimenti: L-Introjtu, il-Kyrie, is-Sekwenza Dies Irae (li hija maqsuma fi tmien movimenti oħra), is-Sanctus, l-Agnus Dei, Pie Jesu, Libera Me u In Paradisum. Hija miktuba għall-orkestra, erba’ solisti u l-Kor SATB li fih se jieħdu sehem is-solisti Karen Gatt Darmenia (Sopran), May Caruana (Kontralto), Charles Vincenti (Tenur) u Ivan Vella (Baritonu) flimkien mal-kor Rotondo li ġej minn Poznan, fil-Polonja.
L-isfond tal-Produzzjoni
Il-Medina Foundation for Music, li twaqqfet fl-2015, hija organizzazzjoni reġistrata, indipendenti, mingħajr qliegħ f’Malta u l-għanijiet tagħha huma li tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iżvilupp mużikali professjonali u għarfien kulturali u fl-istess waqt tippromwovi il-viżjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ attivitajiet kulturali u edukattivi għar-reġuni kollha tad-dinja partikolarment ir-reġjun Ewro-Mediterran. Fuq kollox, il-Medina Foundation for Music temmen fit-tkabbir ta’ kultura ta’ kreatività, innovazzjoni, intraprenditorija, eċċellenza u flessibilità sostnuti bil-valuri ta’ mpenn, dedikazzjoni u integrità. Il-Programm tal-Fondazzjoni jitwettaq mis-St Paul Chamber Ensemble.
Għal aktar informazzjoni żur il-website: www.medinafoundationformusic.com
X’hemm speċjali f’din il-produzzjoni?
Dan l-avveniment kulturali huwa opportunità unika għall-udjenza biex tkun parti minn esperjenza mużikali f’wieħed mill-aktar siti storiċi prestiġjużi f’Malta, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u fl-istess waqt tappoġġja kawża filantropika.
Il-produzzjoni hija adatta għall-pubbliku in ġenerali, l-aktar dawk li japprezzaw mużika klassika sagra u msaħħa minn Chamber Ensemble kbir li jkollu jieħdu sehem miegħu erba’ solisti u kor minn Poznan fil-Polonja flimkien ma’ kantanti mistiedna oħra Maltin.
Din se tkun ukoll okkażjoni li fiha dan ix-xogħol, li huwa l-aħħar kompożizzjoni ta’ Mro Mark Agius, jinstema’ għall-ewwel darba.
X’inhu l-għan ta’ dan il-proġett?
Dan il-proġett għandu għan doppju. Primarjament, biex jippromwovi talent Malti waqt li joħloq esperjenza trans-kulturali permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ wieħed mill-aqwa korijiet f’Poznan u fl-istess waqt joffri din l-esperjenza kulturali lill-pubbliku in ġenerali. It-tieni għan huwa li dan l-avveniment se jsir b’risq id-Dar tal-Providenza li tiddependi għal kollox fuq il-ġenerożità tal-benefatturi u donazzjonijiet mill-pubbliku biex taqdi il-missjoni tagħha. Il-biljetti tad-dħul, li se jmur kollu għad-Dar tal-Providenza, se jinbiegħu bil-prezz raġjonevoli ta’ 10 euro.
Għaliex il-crowdfunding?
Is-St Paul Chamber Ensemble iħabrek biex iżomm livelli ta’ eċċellenza mużikali. Madankollu, proġetti bħal dawn iridu jaraw kif jitħallsu l-ispejjeż meħtieġa għall-kiri tal-lokal, provi u l-ħlas żgħir li jingħata lil dawk li jieħdu sehem. Nemmnu li crowdfunding huwa metodu effettiv li bih individwi u gruppi li jemmnu fil-prinċipji tal-Media Foundation for Music kif ukoll ħidmiet oħra fi ħdan is-St Paul’s Chamber Ensemble jistgħu ikunu nvoluti direttament u personalment fil-pjattaformi edukattivi, kulturali u filantropiċi tagħha.
Napprezzaw l-appoġġ tiegħek biex niffinanzjaw din l-inizjattiva filantropika permezz ta’ sponsorships u donazzjonijiet. Jekk jogħġbok idħol fil-crowdfunding website tagħna: http://www.zaar.com.mt/projects/messadarequiem biex tara il-vidjow promozzjonali, tixtri l-biljetti jew tagħmel donazzjoni.
Kumpaniji interessati li joffru s-servizzi tagħhom, bħal stampar u reklamar huma mistiedna jikkuntattjaw il-fondazzjoni fuq: orchestra@medinafoundationformusic.com

This post is also available in: English