€980,911 f’Festa ta’ Ġenerożità oħra għad-Dar tal-Providenza
€980,911 inġabru waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity b’risq id-Dar tal-Providenza. It-temp tajjeb, għalkemm kemmxejn kiesaħ, għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organiżżaw ġabriet speċjali.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha. Huwa irringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u politiċi għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lill-mijiet ta’ voluntiera li ħadu sehem fl-organiżżazzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità.
L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li d-Dar tal-Providenza, li tiswa mitt ewro kuljum għal kull resident li għandha, hija monument tal-kultura tal-ħajja u li minnha l-Maltin jistgħu ixandru l-valuri favur il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu ta’ faraġ u kuraġġ għall-Ewropa kollha. Ftit wara nofs il-lejl, Mons Arċisqof ingħaqad max-xandira diretta biex jirringrazzja hu ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità tiegħu mad-Dar tal-Providenza.
Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar; Dr Chris Cardona, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar li rrappreżenta lill-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat li jinsab imsiefer; Dr Beppe Fenech Adami, Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista li żar id-Dar minflok il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr Simon Busuttil li wkoll jinsab barra minn Malta; is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana; l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona OP u l-Vigarju Ġenerali Mons Joe Galea Curmi. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti.
Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €32,010 mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi mogħtija minn aktar minn mitt artisti Maltin u barranin. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom online imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.
Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. TVM1, TVM2, ONE TV, NET TV u FLiving Channel ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa. Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, żeffiena u entertainers oħra.
This post is also available in: English