Delegazzjoni Maltija f’Konferenza tal-Vatikan dwar il-Katekeżi tal-Persuni b’Diżabilità.

Delegazzjoni Maltija immexxijja minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza ħadet sehem f’konferenza Internazzjonali dwar il-Katekeżi u l-Persuni b’Diżabilità fil-ħajja tal-Knisja. Il-konferenza saret bejn il-Ġimgħa 20 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru 2017 fl-Università Pontifiċja Urbanjana u kienet organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġeliżżazzjoni ġdida fl-okkażjoni ta’ għeluq il-25 sena mill-pubblikazzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

Il-Konferenza nfetħet mill-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġeliżżazzjoni Ġdida, l-Arċisqof Rino Fisichella li ukoll iċċelebra quddiesa għall-parteċipanti kollha fil-Bażilika ta’ San Pietru fi tmien din il-konferenza. Bosta mill-kelliema kienu jew persuni b’diżabilità jew familjari ta’ persuni b’diżabilità. Huma qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar dak li qed jagħmlu huma jew dak li qed isir fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom biex il-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess indaqs li jikbru fil-ħajja tal-fidi.

Is-Sibt filgħodu l-partiċipanti kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mal-Papa Franġisku fis-Sala Clementina fil-Palazz Appostoliku fil-Vatikan. Fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku saħaq fost oħrajn li: “għalkemm illum hawn żieda fl-għarfien tad-dinjità ta’ kull persuna, madankollu, fuq livell kulturali, għadhom jeżistu espressjonijiet li jweġġgħu id-dinjità ta’ dawn il-persuni minħabba l-prevalenza ta’ kunċetti foloz tal-ħajja.” Il-Papa spjega li: “viżjoni, li hija bosta drabi vanituża u utilitarja, sfortunatament twassal lil bosta biex jimmarġinalizzaw il-persuni b’diżabilità, mingħajr ma jaraw fihom il-ġid uman f’diversi forom kif ukoll il-ġid spiritwali.” Hu kompla jgħid li: “atitudni li tiċħad li din is-sitwazzjoni teżisti, bħallikieku jridu jevitaw il-ferħ u r-realizzazzjoni tal-persuna, għadha qawwija ħafna fil-mentalità ta’ kulħadd. Din toħroġ ċara mit-tendenza li teżisti ta’ soppressjoni ta’ trabi mhux imwielda meta jidher li se jkun hemm xi forma ta’ diżabilità. Fir-realtà, aħna lkoll nafu ħafna nies li bil-fraġilità tagħhom, ukoll f’każi serji, irnexxielhom jgħixu ħajja mimlija skop, avolja b’xi tbatija.”

Dwar il-Katekeżi, il-Papa qal li “l-Knisja, hija msejjħa b’mod speċjali biex tiskopri u tesperimenta b’forom li jagħmlu sens biex kull persuna, bid-doni tagħha, bil-limitazzjonijiet u diżabilitajiet anke severi tagħha, tiltaqa’ mal-Mulej u tintelaq fih bil-fidi.” Hu kompla jsostni li “l-ebda limitazzjoni fiżika jew mentali m’għandha tkun ostaklu għal din il-laqgħa, għax il-wiċċ ta’ Kristu jixgħel fl-intimità ta’ kull persuna.” Il-Papa ħeġġeġ biex “nitgħallmu negħlbu l-iskumdità u l-biża’ li kultant jinħassu fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità kif ukoll li nitgħallmu nfittxu u anke noħolqu, b’intelliġenza, għodda xierqa biex ħadd ma jkun nieqes mill-appoġġ tal-grazzja.” Huwa ħeġġeġ biex “niffurmaw – l-ewwelnett bl-eżempju! – katekisti li huma kapaċi li jakkumpanjaw dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jikbru fil-fidi u jagħtu kontribut ġenwin u oriġinali lill-ħajja tal-Knisja.” Fl-aħħarnett il-Papa wera t-tama li fil-komunitajiet insara, persuni b’diżabilità jkunu jistgħu huma wkoll ikunu katekisti, anke bix-xhieda tagħhom, biex jgħaddu l-fidi b’mod aktar effettiv.”

Il-membri l-oħra tad-delegazzjoni flimkien ma’ Fr Martin kienu is-Sinjura Rita Darmanin mill-Kummissjoni Kateketika Maltija, is-Sur Natalino Psaila persuna nieqes mis-smigħ u s-Sinjura Giselle Pisani omm ta’ tifel bl-awtiżmu.

Fi tmiem il-laqgħa ma’ Papa Franġisku, Fr Martin ippreżentalu kopja ta’ abbozz ta’ pubblikazzjoni ta’ ktejjeb ta’ talb bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Dan il-ktejjeb mistenni jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.