Fr Martin Micallef

€1,645 miġbura waqt Marċ għall-Providenza

Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mill-Kanoniżżazjoni ta’ San Ġorġ Preca, l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun organizzat marċ fi Triq il-Kbira il-Ħamrun b’risq id-Dar tal-Provdienza li għalih kienu mistiedna jipparteċipaw il-Baned kollha ta’ Malta. Fil-fatt rappreżentanza sabiħa mill-baned Malttin ħadet sehem f’din l-inizjattiva filantropika li bdiet b’quddiesa fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fejn jinsabu l-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti.

Fi tmiem il-Marċ hekk imsejjaħ għall-Providenza, saru diversi donazzjonijiet lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza ,mill-Baned li pparteċipaw kif ukoll minn għaqdiet ċiviċi u politiċi tal-Ħamrun biex b’hekk inġabret is-somma sabiħa ta’ €1,645.

Il-President tal-Għaqda Mużikali tal-Ħamrun is-Sur Anselm Sciberras irringrazzja lill-bandisti kollha li ħadu sehem bla ħlas għal din l-inizjattiva u ħabbar li din se tibqa’ ssir kull sena.

Fr Martin Micallef ingħaqad mal-President fir-ringazzjamenti tiegħu għal dawk kollha li ħadu sehem filwaqt li qal li inizjattivi bħal din jimlew id-Dar bil-kuraġġ biex tkompli tagħti l-għola kwalità ta’ servizz lir-residenti tad-Dar.