Onorifiċenza Mertu Siġġiewi għal Mons Lawrence Gatt, ex-Direttur tad-Dar tal-Providenza
Id-Dar tal-Providenza tixtieq turi s-sodisfazzjon u l-apprezzament tagħha li Mons Lawrence Gatt, ex-Direttur tad-Dar tal-Providenza, ingħata l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Mons Gatt għadu kif għalaq 80 sena u kien Direttur tad-Dar għal 22 sena sħaħ bejn l-1987 u l-2009. Illum huwa l-Kanċillier tal-Kurja Maltija.
Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Onorifiċenzi, taħt il-Patroċinju Distint ta’ Dr Louis Galea, saret il-Ħadd 5 ta’ Marzu 2017 fid-Dar tal-Providenza wara quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-kappella tad-Dar u kienet marbuta mal-okkażjoni ta’ Jum is-Siġġiewi.
Matul il-ħatra tiegħu ta’ Direttur tad-Dar tal-Providenza, ġiet inawgurata Villa Papa Luciani, Dar Żerniq fetħet il-bibien tagħha fil-komunità tas-Siġġiewi u Villa Monsinjur Gonzi reġgħet inbniet mill-ġdid. Saru wkoll diversi xogħlijiet fuq faċilitajiet u strutturi eżistenti.
Kien fi żmienu wkoll li, minbarra titjib fl-appoġġ lejn ir-residenti u s-servizzi ta’ respite, ir-residenti b’diżabilità intellettwali ingħataw l-opportunità li jkomplu jikbru fil-fidi permezz ta’ katekeżi simbolika bl-għajnuna tas-sħubija tad-Dar mal-Aġenzija SPRED (SPecial REligious Development) li hija bbażata fi Glasgow l-Iskozja.
Flimkien ma’ Mons Lawrence Gatt irċievew ukoll l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi, il-Profs Albert Fenech, Sr Adele Baldacchino, it-tenur Joseph Aquilina, u Mro Euchar Gravina.