Ippreżentata donazzjoni ta’ €882 lid-Dar tal-Providenza mill-ITS

L-istudenti u l-impjegati tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ippreżentaw donazzjoni ta’ €882 lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef.

Din is-somma inġabret mill-impjegati tal-Ministeru għat-Turiżmu kif ukoll permezz ta’ bejgħ ta’ prodotti tal-ikel li ġew imħejjija bl-għajnuna tal-istudenti u l-impjegati stess matul l-aħħar jiem.

Din l-attività hija l-ewwel waħda fost sensiela ta’ attivitajiet ippjanati mill-Kumitat ta’ Attivitajiet Soċjali fi ħdan l-ITS li jifforma parti mill-programm Responsabbiltà Soċjali Korporattiv.

Dan il-programm għandu l-għan li jgħin lill-għaqdiet kemm b’mod finanzjarju kif ukoll b’għajnuna ta’ bosta avvenimenti bil-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-impjegati.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ingħaqad mal-istudenti u l-impjegati tal-ITS waqt il-preżentazzjoni tad-donazzjoni fid-Dar tal-Providenza.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut