Tiftaħ il-wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fl-intrata tal-Parlament

Ix-xogħlijiet tal-arti, li ngħataw minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin, hija miftuħa għall-pubbliku fl-intrata tal-Parlament fil-Belt Valletta. L-esibizzjoni, fejn hemm madwar 130 biċċa xogħol tal-arti bejn pitturi, skulturi u ċeramika, se tibqa’ miftuħa sat-Tnejn 26 ta’ Diċembru u mbagħad terġa’ tintrama fis-sala prinċipali tad-Dar tal-Providenza fejn fl-1 ta’ Jannar li ġej dawn ix-xogħolijiet ikunu irkantati. F’Jannar li għadda nġabret is-somma rekord ta’ €35,000 mill-bejgħ tal-biċċiet tal-arti.

Il-wirja infetħet mid-Deputat Speaker, l-Onor. Ċensu Galea li ta ġieħ lill-fundatur tad-Dar tal-Providenza, Mons Mikiel Azzopardi lil bil-viżjoni tiegħu wera t-triq lill-Maltin u l-Għawdxin biex ikollhom imħabba lejn il-persuni b’diżabilità.

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lill-artisti kollha li għoġobhom jagħtu il-bosta biċċiet sbieħ tal-arti, lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia li fil-ftuħ tal-ewwel wirja li saret is-sena l-oħra wera x-xewqa tiegħu li din l-esibizzjoni terġa ssir hemm, lid-Deputat Speaker l-Onor. Ċensu Galea li ġentilment fetaħ il-wirja. Huwa radd ħajr ukoll lill-Inġ. Karl Camilleri, l-Koordinatur tal-Irkant u lit-tim tiegħu. Ħajr speċjali jmur lis-Sinjura Jackie Micallef li għamlet dawn l-aħħar ġimgħat tikkuntattja lill-artisti. Ħajr ukoll lis-Sur Stephen Barbara li kull sena jkollu battikata biex jaġġorna s-sit elettroniku tal-irkant u jara li jaħdem sew; lis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, l-amministratur tad-Dar kif ukoll lis-Sur Tonio Bonello u s-Sinjura Cynthia Zerafa f’isem Radju RTK. Ħajr ukoll lis-Sinjuri Pierre Grech Pillow u Johan Zahra ta’ Obelisk Auctioneers and Valuers, lis-Sur Louis Zaffarese ta’ Zaffarese Signs & Display Ltd u lis-Sur Owen Sammut li jisservisja l-website tal-irkant.

Il-pubbliku jista’ jara wkoll dawn ix-xogħolijiet billi jżur is-sit elettroniku tal-Irkant: www.dtpauction.com fejn wara li jirreġistra wieħed jista’ wkoll jibbidja online. Min mhux se juża l-bidding online, dakinhar tal-irkant jista’ jċempel fuq in-numru tat-telefon li jkun jidher fuq l-iscreens tat-Television waqtit-trasmissjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-Sena. Wieħed jista’ ukoll jagħmel dan personalment fis-sala tal-irkant stess.