Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza fl-ewwel ta’ Jannar 2017
Ingħataw dettalji tal-wieħed u għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata minn RTK4Charity biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tnejn, 12 ta’ Diċembru).
Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza: Li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar; li jara b’għajnejh xi proġetti u inizzjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar; li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjiebu u fl-aħħarnett, iżda mhux linqas, hu li jitwassal il-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: Is-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.
Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn ’l fuq minn mitt artist, kemm Maltin kif ukoll barranin. Dan se jsir bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena.
Din is-sena, l-pubbliku jista’ jara minn qabel dawn ix-xogħolijiet tal-arti f’wirja li se ssir fl-intrata tal-bini tal-Parlament bejn il-15 u s-26 ta’ Diċembru 2016. Il-wirja tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00am sal-5.00pm waqt li s-Sibt u l-Ħadd il-ftuħ ikun bejn id-9.00am u s-1.00pm.Il-wirja se tkun inawgurata mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Diċembru fil-5.00pm.
Nhar l-1 ta’ Jannar, jum il-Festa ta’ Ġenerożità, dawn ix-xogħolijiet se jkunu wkoll esibiti fid-Dar tal-Providenza. Kull min jixtieq jieħu sehem f’dan l-irkant jista’ jibbiddja online fuq www.dtpauction.com bejn il-15 ta’ Diċembru 2016 u l-1 ta’ Jannar 2017. Nhar l-1 ta’ Jannar wieħed jista’ wkoll jibbidja billi jċempel fuq in-numru li se jkun jidher waqt ix-xandira televiżiva tal-Festa ta’ Ġenerożità fuq l-istazzjonijiet ewlenin jew billi jiġi fis-sala tad-Dar tal-Providenza fejn se jsir l-irkant. Mill-15 ta’ Diċembru, wieħed jista’ faċilment jara l-katalgu sħiħ tax-xogħlijiet tal-arti billi jidħol fuq www.dtpauction.com
Is-CD Compilation, “Ħelu Bambin 3”, qed jinbiegħ b’risq id-Dar tal-Providenza, bi produzzjoni u kliem ta’ Fr George Ocar Buttigieg OFMConv, bis-sehem ta’ diversi kantanti stabbiliti Maltin. Din is-sena sar video ta’ waħda mill-kanzunetti “O Bambin Divin” kantata minn Chiara u Ludwig Galea. Inġibdu xeni fi Greccio fejn San Franġisk għamel l-ewwel presepju, il-Maxtura tal-Bambin fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, il-Katidral tal-Imdina u l-Monasteru tas-Sorijiet Benedittini ukoll fl-Imdina u l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.
Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar ma jkunux jistghu iżuru d-Dar tal-Providenza, l-Kampanja li taghlaq wara nofsillejl, se tkun trasmessa live fuq l-istazzjonijiet televiżivi. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza, fl-istudjos ta’ Radju RTK fil-Blata l-Bajda jew permezz tat-telefon.
Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon:
Donazzjoni €10 – 516 02 012
Donazzjoni €15 – 517 02 013
Donazzjoni €25 – 518 02 014
SMS Donazzjoni €7 – 506 18 922
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem wkoll is-Sur Tonio Bonello, Manager Programmi ta’ Radju RTK u l-koordinatur tal-Festa ta’ Ġenerożità li ta dettalji ta’ x’se jiġri fl-ewwel ta’ Jannar.