€5,200 miġbura wara li mxew, ġrew, qadfu u saqu b’risq id-Dar tal-Providenza

€5,200 inġabru fit-tielet edizzjoni tal-“Mixja, Qadfa, Ġirja” li saret il-Ħadd 16 ta’ Ottubru b’risq id-Dar tal-Providenza. Bħas-sena l-oħra ħadu sehem ukoll madwar tliet mitt sewwieq tal-muturi li ingħaqdu ma’ dawk li mxew, ġrew u qadfu. L-attività kienet organizzata mill-Grupp Żgħażagħ Gudja, bl-appoġġ ta’ RTK4Charity.

Fil-mixja li bdiet mill-pjazza tas-Siġġiewi ħadu sehem il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, Ministri, Segretarji Parlamentari u membri tal-Parlament miż-żewġ naħat tal-Kamra, rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika u membri tal-pubbliku.

Is-sewwieqa tal-muturi telqu minn Misraħ ir-Rebħa fil-Birgu, dawk tar-roti telqu mill-pjazza tal-Katidral tal-Imdina waqt li dawk li ħadu sehem fil-ġirja telqu minn quddiem il-knisja parrokkjali taż-Żurrieq. L-erba’ gruppi baqgħu sejrin fi triqthom lejn il-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fejn saret quddiesa iċċelebrata mill-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi.

F’isem Id-Dar tal-Providenza, GRAZZI