Il-Proġett tal-Portiku fid-Dar tal-Providenza fi ktieb ġdid dwar Arkitettura Kontemporanja f’Malta

Il-Proġett tal-Portiku fid-Dar tal-Providenza li sar Misraħ San Giovanni XXIII, iddisinjat mill-periti Galea&Galea, huwa wieħed minn ħmistax-il proġett ippreżentat fi ktieb ġdid dwar Arkitettura Kontemporanja f’Malta.

Il-preżentazzjoni tal-ktieb “Contemporary Architecture in Malta” mill-Prof. Conrad Thake saret nhar it-Tlieta, 4 ta’ Ottubru 2016, fil-Kamra ewlenija tal-Bini tal-Parlament ippreseduta mill-Onor. Dr Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Il-pubblikazzjoni saret mill-Kite Group.

“Contemporary Architecture in Malta” fih preżentazzjoni dettaljata tal-ħmistax-il proġett li jittratta, minn residenzi privati u binjiet kummerċjali u uffiċini sa proġetti militari u infrastrutturali u kappella għall-meditazzjoni f’kumpless ta’ ġnien kontemplattiv semi-privat.

Kull proġett huwa dokumentat tajjeb ħafna b’fotografija estensiva u disinji arkitettoniċi. Conrad Thake jagħti opportunità lill-qarrej biex jagħmel apprezzament u analiżi ċarissima ta’ kull proġett.

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza u l-periti Audrey u Anthony Galea attendew għall-preżentazzjoni tal-ktieb.