Jibda jitqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2017
Id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2017 beda jitqassam f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri ikollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u disa’ persuni b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom.
F’dawn l-aħħar ġimgħat għadd kbir ta’ volontiera minn kull qasam tal-ħajja taw daqqa t’id fl-ippakkjar ta’ dawn id-djarji f’envelopes apposta. Bħal fis-snin l-imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex u Kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla.
Jekk xi ħadd ma jasallux id-djarju huwa mitlub li jċempel lir-Reception tad-Dar tal-Providenza fuq 21462844 jew b’email fuq info@dartalprovidenza.org.
Ir-ritratt bil-kulur tal-qoxra ifakkar fiż-żjara memorabbli f”Ruma tar-residenti, carers, reliġjużi, amministrazzjoni u voluntiera flimkien mal-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna u l-Arċisqof Emeritu Mons Pawl Cremona OP. Fit-13 ta’ Settembru 2015, kellhom laqgħa speċjali mal-Q.T.il-Papa Franġisku ħdejn Santa Marta fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza minn Mons Mikiel Azzopardi.
Middlesea Valletta Life Assurance Company Ltd. u Bank of Valletta plc sponsorjaw l-istampar tad-djarju waqt li l-Maltapost reġgħet ġentilment aċċettat li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.
F’isem id-Dar tal-Providenza, GRAZZI