“Mnarja bit-Tajra għall-Karitá” tiġbor €5,355 għad-Dar tal-Providenza
Matul l-attività “Mnarja bit-Tajra għall-Karitá” li saret nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, fiż-Żurrieq inġabret is-somma ta’ €5,355.88 għad-Dar tal-Providenza u ġiet ippreżentata lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt il-Maratona tal-Volleyball li saret fil-bidu ta’ Lulju.
Il-Kumitat Organizzattiv imwaqqaf apposta u kompost mis-Sur Raymond Schembri, is-Sinjorina Josephine Zammit, is-Sur Annetto Camilleri u Chev. Lawrence Collins, ilkoll miż-Żurrieq, kien il-moħħ wara “Mnarja bit-Tajra għall-Karitá”. Din l-attività saret fi Ġnien il-Ġibjun iż-Żurrieq u għalkemm l-attrazzjoni speċjali kienet it-tajra oriġinali Maltija irnexxielha tgħaqqad lir-raħal kollu li b’mod jew ieħor għen lid-Dar tal-Providenza.
Is-somma miġbura kienet tinkludi wkoll dħul mill-bejgħ tat-tajr, kejkijiet, kotba u affarijiet maħdumin bis-suf. Il-Kumitat Organizzattiv jixtieq jirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa għal din l-attività speċjalment l-isponsors li bl-għotjiet tagħhom koprew l-ispejjeż li kien hemm, lill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Karm Mercieca, imma l-aħħar u mhux l-inqas liż-Żrieraq kollha għall-appoġġ u l-inkoraġġiment tagħhom.