Id-Dar tal-Providenza u l-A.K.M. ifakkru lill-Mons Mikiel Azzopardi
“Id-Dar tal-Providenza hija midjuna lejn l-Azzjoni Kattolika Maltija li mill-bidu nett kienet spalla ma’ spalla ma’ Mons Mikiel Azzopardi fir-rieda u l-ħidma tiegħuli jibni dar għall-persuni b’diżabilità.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li saret b’tifkira tad-disa’ u għoxrin sena sena mill-mewt ta’ Mons Azzopardi. Fr Martin żied jgħid li permezz tal-Kummissjoni għall-Morda u Persuni b’Diżabilità, l-Azzjoni Kattolika baqgħet tagħti s-sehem tagħha biex tara li l-persuni b’diżabilità jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.
Il-Quddiesa kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof Emeritu, Mons Pawl Cremona OP, flimkien ma’ Fr Martin, Dun Lino Cardona SJ, ukoll impenjat fid-Daru Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK). Fl-omelija tiegħu, Mons Arċisqof irrifletta fuq il-festa ta’ Pentekoste u qal li kien tabilħaqq l-Ispirtu s-Santu li nebbaħ lil Dun Mikiel biex jieħu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal permezz tax-xandir tal-Kelma fuq il-mezzi tax-xandir ta’ dak iż-żmien, biex jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tal-morda kif ukoll il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità. Kienet il-fidi sħieħa tiegħu fil-Providenza li waslitu biex jagħti bidu għad-Dar tal-Providenza għax kif dejjem kien jgħid “Alla jista’ kollox”.
Sar ukoll diskors qasir mis-Sur Josef Debono, President tal-Azzjoni Kattolika Maltija. Il-President Emeritu, Dr Eddie Fenech Adami kien ukoll preżenti għaċ-ċerimonja tat-tifkira ta’ Dun Mikiel.
Bħala għeluq, dawk preżenti nġabru madwar il-qabar ta’ Mons Mikiel Azzopardi fejn Mons Cremona għamel talba u bierek il-qabar. Dun Mikiel twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar, 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju, 1987.