Fr Cyril Axelrod f’Malta biex iniedi l-awtobijografija tiegħu b’risq id-Dar tal-Providenza

Fr Cyril Axelrod huwa patri Redemptorist li kien l-ewwel persuna kattolika fid-dinja li twieled b’nuqqas ta’ smigħ u sar saċerdot. Fr Cyril jinsab Malta fl-okkażjoni tal-publikazzjoni bil-Malti tal-ktieb tiegħu “And The Journey Begins”. L-awtobijografija ta’ Fr Cyril inqalbet għall-Malti minn Fred Bezzina bit-titlu “U JIBDA L-VJAĠĠ”.

Fr Cyril, li twieled fl-Afrika ta’ Isfel fi ħdan familja Ortodossa Lhudija, jirrakkonta kemm fit-tfulija tiegħu kien isibha diffiċċli biex jikkomunika mal-ġenituri tiegħu iżda bil-għajnuna tal-għarfien tal-Lingwa tas-Sinjali hu kien irnexxielu jieħu edukazzjoni tajba bħal ħaddieħor.
Meta kiber iddeċieda li jitgħammed fi ħdan il-Knisja Kattolika u wara beda l-istudju tiegħu għas-saċerdozju.

F’dan il-ktieb huwa jitkellem dwar il-ħidma tiegħu fost il-persuni nieqsa mis-smigħ u l-persuni għomja u nieqsa mis-smigħ. Huwa tgħallem tmien lingwi tas-sinjali indiġeni. Fi żmien l-Apertheid irnexxielu jwaqqaf skola f’Soweto għal persuni ta’ razez differenti nieqsa mis-smigħ, hostel fi Pretoria għal persuni nieqsa mis-smigħ li ma kellhomx dar kif ukoll ċentru ta’ taħriġ għad-dinja tax-xogħol għall-persuni nieqsa mis-smigħ f’Cape Town

Wara li kien għalaq l-erbgħin sena it-tobba qalulu li kellu l-Usher Syndrome, kundizzjoni li kellha twasslu biex bil-mod il-mod jitlef id-dawl kif fil-fatt ġralu. Minkejja dan Fr Cyril qatt ma qata’ qalbu u llum qed jaħdem fl-Ingilterra fost il-persuni nieqsa mis-smigħ u li bħalu huma għomja ukoll.

Fl-okkażjoni tal-ftuħ tar-raba’ dar tad-Dar tal-Providenza fil-komunità taż-Żurrieq, Fr Cyril ippreżenta kopja tal-awtobijografija tiegħu lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana.

“U JIBDA L-VJAĠĠ” jista’ jinxtara minn Horizons, Triq l-Iskultur, Ħal Qormi (tel: 21441604), mid-Dar tal-Providenza jew mill-Uffiċċju tagħha fi 244, Triq San Pawl il-Belt Valletta għall-prezz ta’ €15. Min irid jibbukkja kopja iffirmata jista’ jibgħat email fuq info@dartalprovidenza.org

Il-qliegħ minn dan il-ktieb se jmur kollu għad-Dar tal-Providenza. Min irid jibbukkja kopja iffirmata jista’ jibgħat email fuq info@dartalprovidenza.org