Id-Dar tal-Providenza tiftaħ dar ġdida fiż-Żurrieq għal persuni b’diżabilità
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana fetħet uffiċċjalment ir-raba’ dar li d-Dar tal-Providenza se jkollha fil-komunità, din id-darba fiż-Żurrieq. Fid-dar, li ngħatat l-isem ‘Shalom’, se jkunu jgħixu ħames residenti b’diżabilità mgħejjuna mill-carers li se jkunu jgħixu magħhom. It-tliet id-djar l-oħra huma ‘Żerniq’ fis-Siġġiewi, ‘Akkwarell’ fil-Qawra u ‘Dar Pirotta’ f’Birkirkara.
F’diskors ta’ merħba, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li din d-dar, fil-qalba tal-komunità sabiħa taż-Żurrieq u b’ambjent dinjituż li jirrispetta d-drittijiet tagħhom, se tkun offruta lil persuni b’diżabilità li jixtiequ jgħixu fiha u li bħal ħaddieħor għandhom id-dritt li jgħixu fil-komunità, ikunu nklużi fiha u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tagħha.
Din id-dar, żied jgħid Fr Martin, se tkun qed tilqa’ ħames persuni b’diżabilità li huwa ttamat li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jiġu identifikati flimkien mal-Aġenzija Sapport. Għaldastant bid-djar li Dar tal-Providenza għandha fil-komunità n-numru tal-persuni li qed igawdu minn dan is-servizz se jitla’ għal wieħed u għoxrin.
ll-ftuħ ta’ din id-dar ma kienx ikun possibbli jekk mhux grazzi għall-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi li jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tad-Dar tal-Providenza. Grazzi għad-donazzjonijiet li jingħataw fil-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn Radju RTK, fil-Maratona tal-Volleyball, tant inizzjativi oħra ta’ ġbir ta’ fondi, kif ukoll d-donazzjonjiet individwali li jidħlu kuljum, id-Dar setgħet tidħol għal dan l-investiment importanti u bżonnjuż.
Fr Martin qal ukoll li l-ftuħ ta’ din id-dar ma kienx lanqas ikun possibbli kieku ma kienx għall-għajnuna finanzjarja li l-Gvern intrabat li jagħti lid-Dar għall-għaxar snin li ġejjin biex ikun sosnut is-servizz individwali ta’ sapport li se jkollhom bżonn ir-residenti ta’ din id-dar. Għaldaqstant, huwa rringrazzja lill-Onor Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva li mill-ewwel laqgħet it-talba għall-għajnuna.
F’diskors li għamlet qabel fetħet il-bibien tad-dar, Justyne Caruana tkellmet dwar il-proġett Soċjetà Ġusta li l-Gvern waqqaf biex jara li ħadd ma jaqa’ lura jew jiġi emarginat nklużi l-persuni b’diżabilità. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern huwa mpenjat li jiftaħ għaxart idjar fil-komunita’ u dik li jmiss se tkun f’Ħaż-Żabbar.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li laqgħet bil-ferħa t-talba ta’ Fr Martin biex tgħin lid-Dar tal-Providenza tiftaħ ir-raba’ dar tagħha fil-komunità. Hija qalet li l-Gvern għadda lid-Dar is-somma ta’ €300,000 li se tmur biex jitħallsu s-servizzi li r-residenti tad-dar se jkunu jeħtieġu u dan skond l-istandards għoljin il-ġodda tal-gvern għal djar residenzjali bħal din. B’hekk, bħall-membri l-oħra tas-soċjetà Maltija, dawn ir-residenti ikunu jistgħu ikunu parteċipanti fis-soċjetà bi drittijiet indaqs inkluż id-dritt tax-xogħol.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm Fr Cyril Axelrod, l-ewwel persuna kattolika fid-dinja li twieled b’nuqqas ta’ smigh u sar saċerdot. Fl-età ta’ erbgħin sena it-tobba qalulu li kellu l-Usher Syndrome li wasslu biex jitlef id-dawl t’għajnejh. Fr Cyril jinsab Malta fl-okkażjoni tal-publikazzjoni bil-Malti tal-awtobijografija tiegħu “And The Journey Begins” maqlub għall-Malti minn Fred Bezzina bit-titlu “U JIBDA l-Vjaġġ”. Fr Cyril, mgħejjun mill-interpretu tkellem dwar l-esperjenza ta’ ħajtu u wara ippreżenta kopja tal-ktieb tiegħu lis-Segretarju Parlamentari, Justyne Caruana.
Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons Charles Cordina għamel diskors qasir u bierek id-dar kif ukoll il-van li se jibda jintuża mir-residenti l-ġodda.
Saru wkoll diskorsi mill-Onor. Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u mis-Sur Ignatius Farrugia, is-Sindku taż-Żurrieq.
8 t’April 2016