Id-Dar tal-Providenza ssellem lill-Arċisqof Emeritus l-E.T. Mons Ġużeppi Mercieca

Id-Dar tal-Providenza tesprimi s-sogħba tagħha għat-telfa tal-E.T. Mons Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus ta’ Malta, li ġrat it-Tnejn 22 ta’ Marzu 2016. Hija tixtieq twassal ukoll il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu filwaqt li twegħdhom it-talb għal-ruħu. Mons Mercieca kien ragħaj umli u qrib ħafna tan-nies b’mod speċjali l-morda li kien iżur regolarment fl-isptarjiet.

Id-Dar tal-Providenza tibqa’ tgħożż l-imħabba u l-interess speċjali li l-Arċisqof Emeritus Mons Mercieca dejjem wera lejn id-Dar. Jibqa’ jidwi f’widnejna l-kliem li qal lil Dun Mikiel Azzopardi l-fundatur tad-Dar fil-funeral tiegħu nhar l-14 ta’ Mejju 1987 fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann: ‘Mur moħħok mistrieħ, Dun Mikiel. Serraħ rasek għax l-inizjattivi kollha li bdejt se jitkomplew.’ Għaldaqstant Mons Mercieca ra li l-opra li waqqaf Dun Mikiel titkompla kif fil-fatt ġara. Immedjatament wara mewtu, Mons Arċisqof ħatar lill-Mons Philip Calleja biex temporanjament jieħu f’idejħ it-tmexxija tad-Dar sakemm fl-1 ta’ Lulju, 1987, ħatar lil Mons Lawrence Gatt bhala d-Direttur il-Gdid tad-Dar. Mons Gatt jirrakkonta li meta kien bagħat għalih biex jagħtiħ din il-kariga kien qallu; “Se nagħtik l-aktar ħaġa prezzjuża li għandha d-Djoċesi.”

L-aħħar attività tad-Dar tal-Providenza li attenda kien għall-quddiesa ta’ ringrazzjament li saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fit-18 ta’ Settembru 2015 fl-okkażjoni ta’ għeluq il-ħamsin sena mit-twaqqif tad-Dar.