Ħelu Bambin 2 – CD Compilation tal-Milied b’risq id-Dar tal-Providenza
Is-CD Compilation, “Ħelu Bambin 2”, li qed jinbiegħ b’risq id-Dar tal-Providenza, jinkludi sensiela ta’ kanzunetti fosthom tnejn oriġinali u li waħda minnhom hi miktuba minn Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza nnifsu, bl-isem ta’, “O Bambin Ħelu”. Sa issa, din kienet titkanta biss mir-residenti tad-Dar stess, li fl-abbiltà kollha tagħhom ikantawha kuljum f’kull Quddiesa, bħala ringrazzjament ta’ wara t-Tqarbin, hekk kif tgħallmuha bil-widna biss minn fomm Dun Mikiel, il-missier tagħhom. F’dan is-CD, “O Bambin Ħelu” se titkanta għall-ewwel darba minn Gaia, b’arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit, biex b’hekk issa jista’ jismagħha l-poplu Malti kollu.
Hemm kanzunetta oriġinali oħra, li saret bħala tifkira tal-Ħamsin sena tal-istess Dar bl-isem ta’ “Id-Dar”, kliem ta’ Fr George Ocar Buttiġieġ, mużika ta’ Andrew Żammit u kantata minn bosta kantanti stabbiliti Maltin, l-istess kantanti li kantaw matul dan is-CD kollu. Għal dawn iż-żewġ kanżunetti saru żewġ videos ukoll.
Meta takkwista dan is-CD għal donazzjoni, tkun qed tgħin lid-Dar tal-Providenza.