Ftuħ ta’ Wirja ta’ xogħlijiet tal-Arti għall-irkant tal-ewwel tas-Sena b’risq id-Dar tal-Providenza
Dr Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati fetaħ uffiċċjalment wirja ta’ xogħlijiet artistiċi li fl-ewwel ta’ Jannar jiġu rkantati b’risq id-Dar tal-Providenza waqt l-għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity. Fil-wirja, li qed issir fis-Sala tal-Esibizzjonijiet fil-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta, hemm madwar tmenin biċċa xogħol tal-arti mogħtija minn għadd sabiħ ta’ artisti Maltin u barranin.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza faħħar u rringrazzja lil dawn l-artisti u ħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin biex isibu ħin jiġu raw din il-wirja u jipparteċipaw ukoll fl-irkant. Il-wirja hija miftuħa bejn il-15 u 23 ta’ Diċembru 2015 kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00am sal-5.00pm waqt li s-Sibt u l-Ħadd il-ftuħ ikun bejn id-9.00am u s-1.00pm.
Nhar l-1 ta’ Jannar, jum il-Festa ta’ Ġenerożità, dawn ix-xogħolijiet se jkunu wkoll għall-wiri fis-Sala San Pawl fid-Dar tal-Providenza. Kull min jixtieq jieħu sehem f’dan l-irkant jista’ jibbiddja online fuq www.dtpauction.com bejn il-15 ta’ Diċembru 2015 u l-1 ta’ Jannar 2016. Nhar l-1 ta’ Jannar wieħed jista’ wkoll jibbidja billi jċempel fuq in-numru li se jkun jidher waqt ix-xandira televiżiva tal-Festa ta’ Ġenerożità fuq l-istazzjonijiet ewlenin jew billi jiġi fis-sala fejn se jsir l-irkant.
Mill-15 ta’ Diċembru, wieħed jista’ faċilment jara l-katalgu sħiħ tax-xogħlijiet tal-arti billi jidħol fuq www.dtpauction.com