Kantanti Ċiniżi b’diżabilità f’kunċert f’Malta.
Żewġ kantanti Ċinizi, Chang Xinan u Xue Kong Linhzehn, persuni b’diżabilità li jużaw is-siġġu tar-roti, jinsabu Malta biex jieħdu sehem f’kunċert organizzat mid-Dar tal-Providenza flimkien mal-Malta-China Friendship Society, b’risq id-Dar tas-Siġġiewi. Il-kunċert se jsir il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru fis-7pm fis-Sala Sr Nemesia Villa, fl-Immaculate Conception School f’Ħal Tarxien. Iż-żewġ kantanti u l-carers tagħhom qed joqogħdu fid-Dar tal-Providenza.
Chang Xinan u Xue Kong Linhzehn jagħmlu parti minn grupp ta’ tnax-il artist u filantropi Ċinizi mill-Beijing Soul Inspiring Art Troupe immexxijja mill-artista Ċiniża magħrufa Na Yu An. Hija diġà għamlet żjarat oħra f’Malta meta kellha l-opportunità tiltaqa’ mal-ex-Presidenti ta’ Malta, Dr Guido De Marco, Dr Eddie Fenech Adami u Dr George Abela.
Illum (l-Erbgħa) l-grupp iltaqa’ mal-President, Marie Louise Coleiro Preca u preżentawlha għadd sabiħ ta’ pitturi ċiniżi li aktar tard se jiġu rkantati b’risq il-Malta Community Chest Fund. L-istess preżentazzjoni ta’ pitturi saret aktar kmieni lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza li qal li dawn ukoll li jiġu rkantati bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel tas-Sena.
Il-kantanti ġew mistiedna Malta mill-President tal-Malta-China Friendship Society, l-ex-Ministru s-Sur Reno Calleja li ltaqa’ magħhom f’Beijing ix-xahar l-ieħor. Is-Sur Calleja għandu l-ħsieb li jiġbor flus biżżejjed biex iġib Malta l-Art Troupe kollu biex jieħdu sehem fl-Istrina tas-sena ddieħla u fil-Festa ta’ Ġenerożità li torganizza d-Dar tal-Providenza.
Il-Beijing Soul Inspiring Art Troupe huwa grupp ta’ erbgħin tifel u tifla, li għalkemm neqsin mis-smiegħ u jitkellmu bil-lingwa bis-sinjali, huma żeffiena tajbin ħafna.