Mr Martin Micallef

Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-50 sena tad-Dar tal-Providenza

“Il-Papa berikna u fir-residenti tad-Dar tal-Providenza il-Papa bierek lill-poplu Malti u Għawdxi.” Dan qalu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla li saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tad-Dar tal-Providenza. Huwa kompla jgħid: “Jien għidtlu: Santità qed nippreżentalek warda sabiħa tal-Knisja Maltija u tas-Soċjetà Maltija.”

L-Arċisqof qal li meta nsibu ħin, riżorsi u għajnuna, għal istituzzjoni bħalma hi d-Dar tal-Providenza inkunu qegħdin ngħidu lid-dinja: “Aħna min aħna biex niddeċiedu aħna il-valur tal-ħajja umana? Aħna nilqgħuha bħala don. Min jien jien biex nagħzel bejn persuna jew oħra? Min jien jien biex ngħid irrid biss min hu sabiħ u qawwi, intelliġenti u b’saħtu? Min jien jien? U għalkemm dan hu atteġġjament ta’ umiltà kbira inħoss li huwa atteġġjament ta’ dinjita u ta’ ċivilità.”

Quddiem għadd ta’ residenti tad-Dar li kienu fil-fillieri ta’ quddiem, l-Arċisqof kompla jgħid li kull meta tixxandar l-istorja tad-Dar tal-Providenza dejjem insemmu lil dik il-mara li tat mitt lira. Imma rridu wkoll nirringrazzjaw lil tant nies li komplew biex din ix-xmara ta’ ġenerożità ma tieqaf qatt. Huwa temm jgħid: “jalla aħna u naħdmu biex ikollna socjetà inklussiva fuq ħafna livelli, u tajjeb li nagħmlu hekk, ma ninsew qatt lil dawk hutna li bil-preżenza u l-ħajja tagħhom, mhumiex piż imma rikkezza, m’humiex toqol imma għajn ta’ ferħ u ta’ paċi għalina lkoll”.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, il-Prim Imħallef, Dr Silvio Camilleri, Presidenti Emeriti, Ministri u membri Parlamentari kif ukoll l-ex Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi li kien l-ewwel Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Kienu preżenti wkoll ħaddiema u volontiera tad-Dar.

Ikkonċelebraw mal-Arċisqof Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona OP u l-Arċisqof Mons Joseph Spiteri, Nunzju Appostoliku għall-Kosta tal-Ivorju. Il-kongregazzjoni laqgħet b’ċapċipa l-preżenza tal-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca li minkejja il-kundizzjoni ta’ saħħtu għamel mezz li jattendi.

L-offerti ttellgħu minn Suor Lorenza Borg, Superjura tas-Sorijiet tal-Karità li ilhom jagħtu servizz lid-Dar tal-Providenza għal dawn l-aħħar 48 sena u Dr George Depasquale, neputi ta’ Anges Coleiro li għamlet l-ewwel donazzjoni 50 sena ilu. Residenti tad-Dar tellgħu prodotti agrikoli maħduma minnhom stess fiċ-Ċentru Agrikolu li għandhom fid-Dar kif ukoll ħxejjex u frott li ngħataw bħala karità lid-Dar tal-Kleru.

Fil-bidu tal-quddiesa, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza qal li permezz tas-sagriffiċċju tal-quddiesa rridu nirringrazzjaw lil Alla għal din il-ħidma li twettqet mill-Knisja Maltija bħala xhieda ħajja tal-imħabba inklussiva tagħha. Id-Dar tal-Providenza tibqa’ eżempju mill-aqwa tal-wiċċ uman tal-Knisja f’Malta, Knisja li hi qrib in-nies, knisja li l-bibien tagħha huma miftuħa għal kulħadd, knisja li tisma’, knisja li tgħix fil-prattika s-solidarjetà u l-imħabba b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem mit-tnissil sal-mewt, Knisja li taħdem għall-ġustizzja biex tiggarantixxi d-drittijiet ta’ dawk li lilhom jiġu mċaħħda.

Mons Charles Cordina qara l-Barka speċjali tal-Papa fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tad-Dar tal-Providenza.