Oratorju Ġdid fl-okkażjoni tal-50 Sena miid-Dar tal-Providenza
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, se jiġi ppreżentat Oratorju ġdid bl-isem: ‘Canticum Vitae’ – ‘Song of Life’. Dan l-Oratorju nkiteb minn Mons.Lawrence Gatt, ex-Direttur tad-Dar tal-Providenza b’mużika ta’ Mro Hermann Farrugia Frantz.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li dan l-Oratorju se jkun esegwiet mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u se jsir fid-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ottubru, fis-7.30 p.m. Ħabbar ukoll li nhar il-Gimgħa li ġej, Mons. Arcisqof se jqaddes quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fis-6.30 p.m., waqt li nhar il-Ħadd 27 ta’ Settembru, se tiġi organizzata t-tieni edizzjoni tal-Walk Cycle Run b’risq id-Dar tal-Providenza.
Dwar l-Oratorju tkellem ukoll Mons. Lawrence Gatt, l-awtur tal-istess Oratorju, fejn spjega li l-Oratorju huwa bbażat fuq siltiet meħuda mill-Iskrittura flimkien ma’ partijiet żgħar mil-Liturġija, b’rabta maż-żmienna u d-Dar tal-Providenza. It-test bil-Malti tal-Bibbja huwa tal-Għaqda Biblika Maltija, waqt li t-traduzzjoni bil-Malti tal-partijiet mhux bibliċi huma ta’ Rev. Dun Nikol Aquilina.
Mro Farrugia Frantz, li se jidderieġi l-orkestra qal li fil-première tal-oratorju se jieħdu sehem il-kantanti solisti Francesca Aquilina, Charles Vincenti u Alfred Camilleri flimkien mal-‘Coro Bel Canto’, b’direzzjoni artistika ta’ Pierre Portelli.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu b’donazzjoni ta’ €15 jew ta’ €10 għad-Dar tal-Providenza mis-sit www.mcc.com.mt jew info@dartalprovidenza.org (tel: 21462844).