Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Simon Busuttil fi żjara uffiċċjali fid-Dar tal-Providenza

“Għalkemm saru ħafna avvanzi fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, hemm bżonn li bħal fil-każ tar-refuġjati, ngħaddu mill-kliem għall-fatti fejn jidħlu l-inklużjoni u s-solidarjetà.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil meta kien qed iwieġeb għad-diskors ta’ merħba minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza fil-bidu ta’ żjara uffiċċjali li għamel fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tad-Dar. Huwa żied jgħid li huwa jappoġġja dak kollu li jagħmel il-gvern biex ikompli jtejjeb il-qagħda tal-persuni b’diżabilità.

Dr Busuttil qal li ħamsin sena ilu, Dun Mikiel Azzopardi żergħa ż-żerriegħa tal-inklużjoni u llum ħamsin sena wara qed ingawdu l-frott tal-ħidma tiegħu minkejja li, bħalma qal Fr Martin Micallef, għad baqa’ xi jsir biex il-persuni b’diżabilità jħossuhom verament indaqs. Huwa għamel referenza għas-sitwazzjoni preżenti tar-refuġjati u qal li jappoġġja l-inizjattivi li tħabbru f’dawn l-aħħar jiem minn Jean-Claude Juncker, il-President tal-Unjoni Ewropeja u l-Papa Franġisku biex tinstab soluzzjoni ekwa w effettiva ta’ solidarjetà.

Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin qal li minkejja l-liġijiet tajbin li saru għad baqa’ diskriminazzjoni konxja jew inkonxja f’diversi oqsma tas-soċjetà Maltija inkluż is-settur tax-xogħol u l-impjiegi. Huwa qal li għandna nkomplu nibnu u ntejbu fuq dak li beda Dun Mikiel ħamsin sena ilu biex il-persuni b’ diżabilità tassew ikollhom ‘rispett, dinjità u drittijiet’.

Jakkumpanjaw lil Dr Busuttil kien hemm is-Sinjura Paula Mifsud Bonnici – Shadow Minister għall-Politika Soċjali u mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Graziella Schembri u Dr Albert Buttigieg.
Dr Busuttil iltaqa’ mar-residenti u s-support workers u mal-amministrazzjoni tad-Dar u wara żar għadd ta’ taqsimiet li qegħdin hemm għall-użu tar-residenti.